Missier, martu u s-sebat’itfal tagħhom fil-jiem li ġejjin se jispiċċaw jorqdu barra.
Din hi l-istorja ta’ Nader, li ilu 23 sena jgħix f’pajjiżna, mill-1994 u ħajtu kienet waħda feliċi. Iżżewweġ Maltija li għadu magħha sa llum, kellhom sebat itfal u ta’ raġel bieżel li hu kien hemm perjodi fejn ħadem saħansitra anke tliet xogħlijiet f’daqqa.
Is-sena li għaddiet, għaxart ijiem biss wara li ħareġ karozza ġdida, kellu inċident f’Għawdex. Impatt ma’ karozza oħra ħallieh b’diżabiltà ta’ 5%.
Concussion, spalltu żlugata, problemi f’għonqu u dahru. Illum isofri minn uġiegħ kontinwu waqt li qed jistenna li jiġi operat fi spalltu. L-inċident u d-diżabbiltà li kkawżalu wassluh ukoll biex tilef xogħlu. Kien għadu taħt probation, u min kien itih ix-xogħol ma riedx jirriskja.
U issa jieħu xokk ieħor. Hu u martu għandhom biss xahrejn biex isibu fejn se jmorru jorqdu. Sid l-appartament fejn joqgħodu, li Nader irrestawra u xtara l-għamara għalih bi flusu stess, issa jrid jiżviluppah fi blokka. Il-kera li qed jintalab hi tliet darbiet dak li jħallas illum.
Qalb din l-inċertezza kollha, uliedu jridu jippreparaw għall-eżamijiet. Minn żewġ bniet ta’ sbatax-il sena, saż-żgħira li għandha biss tmien xhur, fi żmien xahrejn qed jirriskjaw li jispiċċaw fit-triq.
Ma’ Net News jispjega li l-każ tiegħu, biex jakkwista akkomodazzjoni soċjali, ilu għaddej għaxar snin, iżda baqa’ jinqabeż. Issa, is-sitwazzjoni hi waħda ta’ disprament.
U minkejja l-uġiegħ u t-tbatija li għaddej minnha, Nader jibqa’ jittama. Jibqa’ jfittex ix-xogħol biex jaħdem kif jista’.
Iżda quddiem nuqqas t’opportunitajiet u spiża għall-kera li ma jaffordjax, Nader jgħidilna li kieku jista’ jmur b’uliedu lura l-Libja, fejn għad għandu qrabatu, iżda ma jridx jirriskja li jiħodhom fil-periklu, f’pajjiż li għadu qed isib saqajh mir-rivoluzzjoni.
//= $special ?>