Illum il-gowlkiper ta’ Juventus Gianluigi Buffon għalaq 40 sena u jum qabel hu kien għadu kemm irritorna għal logħob wara waqfa minħabba injury li kien sofra f’Diċembru li għadda.
Hu kien parti mit-tim ta’ Juventus li s-Sibt filgħaxija rebaħ 2-0 kontra Chievo f’partita mill-kampjonat biex b’hekk il-Bianconeri komplew bl-isfida tagħhom għar-rebħ tat-titlu tas-Serie A.
Fil-fatt, jekk Juventus eventwalment jirbħu l-kampjonat Buffon isir l-ewwel plejer fl-istorja li jkun rebaħ il-kampjonat Taljan disa’ darbiet.
Bħalissa hu wieħed fost erba’ plejers li rebħu tmien darbiet il-kampjonat Taljan.
Dan hu wieħed mir-rekords li Buffon qed jimmira li jikser hekk kif qed joqrob lejn tmiem il-karriera tiegħu. Hu minn dejjem stqarr li se jieqaf jilgħab il-fubol la darna jintemm dan l-istaġun madankollu żvela li jekk Juventus jirbħu ċ-Champions League jilgħab għal staġun ieħor biex ikun jista’ jieħu sehem fit-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs li ssir f’Diċembru.
Minħabba li tilef diversi partiti fis-Serie A minħabba l-injury li kellu Buffon issa jaf li dan l-istaġun mhux se jikser ir-rekord tal-ekscaptain ta’ Milan Maldini bħala l-aktar plejer li qatt lagħab fis-Serie A.
Imma f’idejh Buffon għandu diġa’ diversi rekords. Hu l-aktar plejer li qatt lagħab ma’ Juventus fiċ-Champions League (111-il partita) u l-aktar plejer Ewropew li qatt lagħab ma’ pajjiżu (175 darba mal-Italja).
Buffon għandu f’idu wkoll ir-rekord tal-aktar tul ta’ ħin mingħajr ma sofra gowl (974 minuta). Fl-istaġuni 2011-12 u 2015-16 hu żamm 21 clean sheets u dan hu rekord fis-Serie A.
Minkejja li matul dawn l-aħħar snin splodew iċ-ċifri tal-flus li qed iħallsu l-klabbs biex jakkwistaw il-plejers Buffon għadu l-aktar gowlkiper li qatt sewa’ flus. Meta kien għad kellu 23 sena Juventus kienu ħallsu lil Parma s-somma ta’ 53.5 miljun ewro għalih.