Lokali

Il-ħaddiem appuntat politikament fis-Segretarjat ta’ Roderick Galdes kien ilu xhur jixxaħħam

Impjegat fis-Segretarjat Parlamentari ta’ Roderick Galdes kien ilu xhur jixxaħħam biex jitqassmu appartamenti bħala akkomodazzjoni soċjali.

Charles Spiteri ġie sekondat mill-uffiċċju tal-Prim Ministru għas-Segretarjat ta’ Galdes fuq għażla politika wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, u iktar kmieni din il-ġimgħa ġie sospiż filwaqt li nfetħet inkjesta dwar dan.

Skont sorsi li tkellmu ma’ The Malta Independent on Sunday, fil-każ li wassal għall-investigazzjoni kienet intalbet somma ta’ €500. Iżda dan ma kienx każ uniku, tant li jidher li Spiteri kważi immedjatament mal-ħatra tiegħu beda jixxaħħam b’ċifri ta’ bejn l-€400 u s-€600.

Jirriżulta li l-pagament ta’ €500 f’dan il-każ partikolari sar, u l-individwu li ħallas dawn il-flus mar dritt għand l-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jirrapporta lil Spiteri. Malli ħareġ dan il-każ fil-pubbliku, kienu ħafna li lmentaw li kien ħaqqhom akkomodazzjoni soċjali iżda ħassew li nqabżu.

Saħansitra fuq l-istqarrija tas-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes stess, persuna allegat li dan jista’ ma jkunx l-uniku każ simili, hekk kif individwu partikolari qal li hemm min mhux ġenwin f’xogħlu, ma jridux jitgħallmu u appella lil ministeri oħra biex huma wkoll jieħdu azzjoni.