Kunsilli Lokali Lokali

Il-Kunsill Lokali tan-Naxxar jirbaħ il-premju ‘Good Governance’ mogħti mill-Kunsill tal-Ewropa

“Ninsab kuntenta ħafna li l-ħidma ħolistika li qed iwettaq il-Kunsill Lokali tan-Naxxar, mhux biss qed tidher u tinħass, iżda r-residenti huma kburin li għandhom kunsill – tim ta’ nies dedikati – li flimkien jiġbdu ħabel wieħed għall-ġid ta’ dan il-lokal.”

Dan qalitu Anne Marie Muscat Fenech Adami, is-Sindku tan-Naxxar, meta tkellmet dwar il-premju ‘Good Governance’ li rebaħ il-Kunsill Lokali tan-Naxxar.

Dan hu premju importanti u daqstant ieħor prestiġġjuż mogħti mill-Kunsill tal-Ewropa lil dawk il-kunsilli li josservaw għadd ta’ kriterji partikulari fil-kamp tal-governanza tajba.

Dan il-premju jingħata kull sentejn u l-Kunsill Lokali tan-Naxxar rebaħ dan l-unur għas-sentejn li bdew minn Diċembru 2017 sa Diċembru 2019.

Anne Marie Muscat Fenech Adami fissret li dan hu premju importanti fuq diversi aspetti, fis-sens li hu importanti ħafna għaliex jirrikonoxxi l-impenn kbir tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar biex jagħmel tajjeb u b’mod professjonali x-xogħol ħalli fil-lokalità, ir-residenti jingħataw l-aqwa u l-aħjar servizzi possibbli.

Il-komunità Naxxarija qed tgawdi minn tim ta’ nies dedikati – bejn amministrazzjoni, tmexxija u kunsillieri – fejn kulħadd jiġbed ħabel wieħed għaliex il-veru interessi tal-lokal huma l-veru interessi tal-istess Kunsill Lokali tan-Naxxar.

Naturalment, dan il-premju ma ntrebaħx b’kumbinazzjoni, imma hu riżultat ta’ ħafna xogħol u impenn li wettaq dan it-tim fix-xhur u fis-snin ta’ qabel. Din hi ħidma li ssir għall-ġid tal-komunità u d-dehra tal-lokal, u wieħed japprezza ħafna li n-nies tal-lokal qed japprezzaw huma wkoll ix-xogħol u l-inizjattivi li jieħu l-Kunsill.

Anne Marie Muscat Fenech Adami kompliet li dan hu rifless ukoll fi stħarriġ li għamel il-Kunsill Lokali tan-Naxxar matul ix-xhur li għaddew, fejn in-nies li joqogħdu n-Naxxar tkellmu bl-aktar mod pożittiv fuq il-Kunsill tagħhom.

Hi kompliet li iżda, dan il-premju prestiġġjuż jitfa’ wkoll numru ta’ responsabbiltajiet fuq il-ħidma futura tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar, fis-sens li jrid ikompli jistinka u jaħdem fuq dawn il-livelli għoljin biex hekk jibqa’ jikseb l-aqwa u l-aħjar riżultati għall-komunità li toqgħod in-Naxxar.