Lokali

Il-Mewt tat-tifla ta’ 7 snin: Tobba u social workers issuġġerew li tinħareġ Care Order sa minn xhur ilu

Ġimgħa mill-mewt tat-tifla ta' 7 snin

Tobba fl-Isptar Mater Dei, lura f’Novembru li għadda, u Social Workers tal-Aġenzija Appoġġ, xhur ilu, kienu tal-fehma li l-Ministru responsabbli mid-Drittijiet tat-Tfal joħroġ Care Order biex it-tlett itfal Niġerjani jittieħdu direttament taħt il-kustodja tal-Gvern minħabba li l-ġenituri Niġerjani – minkejja kull intenzjoni tajba – ma kinux f’sitwazzjoni li jrabbu lil uliedhom b’ċertu ħila u kapaċità.

Il-Mument żvelat wkoll kif it-tmexxija tal-Kulleġġ San Beneditti fiż-Żurrieq kif ukoll, sussegwentement, it-tmexxija tal-Kulleġġ Santa Margerita f’Bormla kienu jikkorrispondu spiss mal-Aġenzija Appoġġ u jiġbdulhom l-attenzjoni dwar il-fatt li l-ġenituri Niġerjani ta’ dawn it-tfal ma kinux qed jibagħtu lil uliedhom għat-tagħlim fl-iskejjel tal-Istat.

Mhux biss, iżda jirriżulta wkoll li d-Dipartiment tal-Edukazzjoni ħareġ, matul ix-xhur li għaddew, għadd ta’ ċitazzjonijiet lill-ġenituri Niġerjani minħabba dan in-nuqqas u f’xi każijiet, dawn iċ-ċitazzjonijiet tħallsu wkoll. Dan apparti l-fatt li l-ġenituri darba minnhom dehru wkoll quddiem it-Tribunal tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex iwieġbu għal dan in-nuqqas.

Jirriżulta fil-fatt li l-ġenituri kienu jagħmlu hekk għaliex kienu jibżgħu li l-awtoritajiet kienu jmorru l-iskola u jieħdu taħt ir-responsabbiltà diretta tagħhom it-trobbija ta’ dawn it-tlett itfal. Kien minħabba din il-fissazzjoni – u l-imħabba kbira tagħhom lejn l-ulied – li t-tfal ma kinux jintbagħtu l-iskola.

Sorsi li f’dawn il-jiem tkellmu ma’ Il-Mument, fissrulna li din hi tassew storja traġika kbira fejn xi ħadd f’xi livell naqas serjament u bl-ikrah. Jekk it-tobba ta’ Mater Dei u s-social workers fl-Aġenzija Appoġġ kienu qed jinsistu għall-ħruġ ta’ Care Order – li trid issir direttament mill-Ministru responsabbli mid-Drittijiet tat-Tfal – għaliex dan ma sarx? Min naqas milli jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu, f’dan il-każ, sal-punt li issa din it-tifal mietet?

Nhar it-Tnejn, meta l-Gvern ħareġ l-aħbar fi stqarrija xotta xotta u mimlija ineżattezzi tal-fatti, qal li r-responsabbiltà tat-tmexxija ta’ din il-familja kienet fdata lis-Sorijiet Dumnikani. In-Nazzjon, l-għada giddeb dan kollu u qal li kienet l-Aġenzija tal-Gvern Appoġġ li kienet responsabbli minn din il-familja.

Jirriżulta fil-fatt, li l-aħħar żjara lil din il-familja mis-social workers tal-Aġenzija Appoġġ saret lejn tmiem Diċembru li għadda, probabbilment meta t-tifla kienet diġà marida serjament u ħadd, allura ma ntebaħ b’dan! Mhux biss, iżda l-kundizzjoni tat-tifla ta’ seba’ snin baqgħet tikber sal-punt li nhar il-Ħadd li għadda hi mietet waqt li kienet qed tittieħed l-Isptar Mater Dei.

Tajjeb li anki hawnhekk jingħad li fl-istqarrija tiegħu, il-Gvern qal li din instabet mejta fid-dar fejn il-familja Niġerjana kienet residenti. Din hi gidba oħra sfaċċata mill-Gvern f’dan il-każ uman, fejn il-verità hi li din it-tifla mietet tard filgħaxija meta kienet qed titwassal b’ambulanza l-Isptar Mater Dei u ddaħħlet fit-Taqsima tal-Kura Intensiva mejta jew kważi.

Allura issa, min se jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dan kollu: li tifla ta’ seba’ snin titħalla marida serjament għal numru ta’ ġimgħat mingħajr ebda kura?

Diġà f’Novembru li għadda, it-tobba tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, meta kienu invistaw lit-tfal, kienu qalu li dawn aħjar li tinħarġilhom Care Order biex ikun l-istat li għalissa jieħu ħsieb it-trobbija tagħhom. Naturalment, il-Ministru tal-Familja – f’dan il-każ Michael Falzon – kompla fuq il-predeċessur tiegħu, li l-Gvern ma joħroġ xejn jew kważi xejn, Care Orders. Ir-riżultat ta’ din il-politika hu li issa għandna tifla ta’ seba’ snin li minħabba nuqqas ta’ kura u attenzjoni mill-istat, mietet nhar il-Ħadd li għadda.

Din il-gazzetta nhar il-Ġimgħa tkellmet fit-tul ma’ Clyde Puli, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, iżda wkoll ix-Shadow Minister għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali.

Cylde Puli filwaqt li beda biex qal li din il-mewt ta’ tifla żgħira tqanqal ħafna domandi dwar il-mod kif aġixxa l-Gvern, fisser li l-mewt ta’ din it-tifla Niġerjana ta’ seba’ snin hi aħbar traġika li nisslet sens ta’ diqa u tħassib.

Il-mewt ta’ din il-persuna innoċenti u vulnerabbli li kienet taħt il-ħarsien tal-Gvern, qed tqajjem ħafna mistoqsijiet li jeħtieġ li jiġu mwieġba. Il-Partit Nazzjonalista jitlob li sseħħ ġustizzja.

Clyde Puli enfasizza li hu jemmen li l-Gvern għandu jirrispondi għal numru ta’ domandi fundamentali:

– Għaliex il-Gvern dam 24 siegħa sieket fuq dan il-każ u qagħad lura milli jinforma lin-nies kif inhu xieraq?

– Għaliex il-Gvern ipprova jagħti x’jifhem li t-tifla kienet taħt ir-responsabbiltà tas-Sorijiet Dumnikani ta’ Ħaż-Żabbar, meta fil-verità din kienet taħt il-kura tal-Aġenzija Appoġġ tal-Gvern stess?

– Veru li t-tifla ma rċevietx il-kura neċessarja fil-ħin, meta din kienet tbati minn kundizzjonijiet gravi u kroniċi?

– Veru li it-tifla ma ngħatatx l-għajnuna kif kienu taw parir il-care workers tagħha għal diversi xhur?

– Liema hija l-verità: li t-tifla mietet id-dar fejn kienet residenti jew li mietet fl-ambulanza?

– Min se jerfa’ r-responsabbiltà għal dak li seħħ?

Clyde Puli kompla li din l-aħbar ta’ swied il-qalb tkompli turi kemm il-qasam tal-kura u l-assistenza hu importanti għas-soċjetà tagħna, u l-Partit Nazzjonalista jieħu din l-opportunità biex iħeġġeġ lill-Gvern ifittex isib qbil mal-professjonisti tal-kura, b’mod partikolari fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (l-FSWS).