Janice Bartolo, il-partner tal-Ministru Owen Bonnici u eks ġurnalista tal-istazzjon tal-Partit Laburista s-Super One, ingħatat impjieg maniġerjali fl-Awtorità Maltija għat-Turiżmu mingħajr ma ħarġet sejħa għal applikazzjonijiet.
Il-ġurnal The Sunday Times of Malta jgħid li l-kuntratt ma’ Janice Bartolo kien iffirmat mill-Kap Eżekuttiv maħtur mill-Gvern Laburista Paul Buġeja f’Awwissu li għadda – ftit ġimgħat biss wara l-elezzjoni ġenerali. Meta mistoqsi għalfejn ma ħarġitx sejħa għal applikazzjoni, Paul Bugeja ma ried jagħti l-ebda kumment lil The Sunday Times.
Madankollu l-ġurnal jista’ jikkonferma li Janice Bartolo inħatret bħala senior manager fil-Head Office tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu b’paga ta’ madwar 33,000 ewro fis-sena minbarra bonuses oħrajn.
Il-kuntratt huwa kuntratt għal sena iżda li jista’ jiġġedded bl-approvazzjoni tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li hu maħtur minn Gvern Laburista u mill-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi – membru tal-kabinett ta’ Muscat flimkien mal-partner ta’ Janice Bartolo.
Is-sena l-oħra kien żvelat li Janice Bartolo kienet inħatret mill-istess Owen Bonnici bħala membru fil-Bord tad-Diretturi tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali.
Janice Bartolo mhijiex l-ewwel ġurnalista li ingħatat kariga mill-Gvern Laburista. Ftit ġimgħat ilu tħabbar li l-ġurnalista tas-Super One Nicole Buttigieg fuq il-Bord tal-Petizzjonijiet sabiex taħfer il-multi imposti mit-tribunal lokali – kariga li se tfisser żieda ta 11,000 ewro għall-ġurnalista tas-Super One.
//= $special ?>