Stewart Said
BALZAN…………..2
ĦAMRUN S………0
Gowl wara kwarta u ieħor lejn it-tmiem kienu biżżejjed għal Balzan biex jegħlbu lil Ħamrun Spartans. B’din ir-rebħa t-tim ta’ Marco Micovic jinsab tliet punti vantaġġ fil-quċċata fuq Valletta, tim li jaffrontaw fl-4 ta’ Frar.
Balzan ikkontrollaw il-logħba mill-bidu sal-aħħar, b’Ħamrun rari jheddu l-lasta avversarja. Fit-tieni taqsima, Balzan ħallew aktar l-inizjattiva f’saqajn il-plejers Ħamruniżi li għajr azzjoni waħda ma kinux perikolużi.
Balzan fetħu l-iskor wara kwarta fl-ewwel azzjoni tal-logħba. Kien xutt fil-baxx ta’ Carlos de Fiori Mendes li stampa mal-wieqfa, bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni ta’ Uros LJUBOMIRAC li skorja f’lasta prattikament vojta.
Dan il-gowl saħħaħ lil Balzan li kienu qed jikkontrollaw il-logħba. Sitt minuti wara, Milos Lepovic mar viċin li jirdoppja b’daqqa ta’ ras li għaddiet ftit barra wara kross ta’ Ivan Bozovic.
Fl-24 minuta, Alfred Effiong prova minn pożizzjoni ċentrali, bix-xutt tiegħu jgħaddi barra. L-aħħar tentattiv ta’ Balzan fl-ewwel taqsima wasal fl-40 minuta b’Effiong iniżżel il-ballun lura lejn Paul Fenech li prova b’xutt mill-ewwel minn barra l-kaxxa, iżda t-tentattiv tiegħu spiċċa għoli.
Ħamrun appellaw għal penalty tliet minuti wara meta deher li difensur ta’ Balzan seta’ miss il-ballun b’idu, iżda r-referee Philip Farrugia ħalla l-logħob għaddej.
Balzan resqu qrib it-tieni gowl fil-51 minuta b’xutt ta’ de Fiori Mendes li deher destinat fix-xibka, iżda x-xutt kien imxellef għal korner.
Il-Ħamruniżi ħolqu l-ewwel periklu tagħhom fit-58 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Dale Camilleri li spiċċa fuq ix-xibka.
Żewġ minuti wara, huma kellhom ċans tad-deheb meta de Castro qassam tajjeb fl-ispazju lil Alex Nilsson, iżda x-xutt tal-attakkant kien imdawwar f’korner bi bravura minn Sean Mintoff.
Il-logħba kompliet fuq ritmu baxx, bl-unika azzjoni tasal kwarta mit-tmiem b’xutt ta’ Bojan Kaljevic li għadda barra.
Kien fid-90 minuta li Balzan għalqu l-logħba meta f’kontrattakk, kien kross ta’ Alfred Effiong mil-lemin, Steve Sultana blokka u ma żammx il-ballun, b’Milos LEPOVIC iqabbeż fuq il-gowlkiper Għawdxi b’Daniel Zerafa ma jirnexxielux ibiegħed il-periklu.
//= $special ?>

