Stewart Said
BIRKIRKARA………..5
SENGLEA A…………..0
Birkirkara komplew bir-rimonta tagħhom biex jitilgħu fil-klassifika meta kisbu s-sitt rebħa konsekuttiva b’rebħa faċli ta’ 5-0 fuq Senglea Athletic. Il-Karkariżi kellhom bidu ftit inċert b’Senglea jkunu aktar fuq l-attakk fl-ewwel minuti, iżda malli fetħu l-iskor iddominaw il-logħba.
Senglea komplessivament kellhom partita negattiva għajr l-ewwel kwart tal-logħba. Id-difiża ma kinitx fl-istess forma tal-aħħar logħbiet, hekk kif speċjalment fit-tieni taqsima d-difiża krollat bl-avversarji jieħdu vantaġġ mill-ispazju li ħallew.
Kienu Senglea li ħolqu l-ewwel periklu fil-21 minuta bi free-kick angolati ta’ Gregori Braga li ġiegħel lil Naumovski jsalva b’diffikultà. Tliet minuti wara reġa’ kien Braga li prova mill-ewwel wara kross mil-lemin ta’ Josuel Spiteri, iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet barra.
Ċans ieħor għal Senglea man-nofs siegħa logħob b’Terence Vella jgħaddi tajjeb b’sidru lejn Rene Caseres iżda x-xutt tal-attakkant spiċċa barra. Ħames minuti wara free-kick ta’ Braga għadda għoli.
Fl-ewwel azzjoni denja tagħhom, Birkirkara fetħu l-iskor fl-34 minuta.
Kien kross mix-xellug ta’ Ryan Scicluna fil-kaxxa, b’Srdan DIMITROV ikun fil-post it-tajjeb biex b’mossa akrobatika għeleb lil Matthew Farrugia. Birkirkara rduppjaw fit-43 minuta meta ngħataw penalty għal fawl ta’ Steve Bonnici fuq Ryan Scicluna. Mill-11-il metru Jake GRECH skorja b’xutt fir-rokna xellugija.
L-Istripes ħarġu tajjeb fit-tieni taqsima u wara li xutt ta’ Jake Grech għadda barra, fit-48 minuta għamluhom tlieta meta Grech għadda lejn Srdan DIMITROV li wiċċ imb wiċċ ma’ Farrugia u skorja b’xutt fil-baxx.
Aktar attakki għal Birkirkara b’Nikola Vukanac jersaq qrib il-gowl b’xutt minn barra l-kaxxa li kien salvat b’diffikultà minn Farrugia.
Ħames minuti wara xutt ta’ Dimitrov għadda ftit barra u ftit wara s-Serb kellu konklużjoni mill-viċin salvat.
L-iskor sar 4-0 fl-64 minuta meta minn kross ta’ Edward Herrera d-difensur Sergio Uyi spiċċa għeleb lill-gowlkiper tiegħu stess fit-tentattiv li jbiegħed il-periklu.
Birkirkara saħansitra skorjaw il-ħames gowl fit-73 minuta bis-sostitut Terence Agius jagħti passaġġ intelliġenti minn qalb id-difiża avversarja lejn Srdan DIMITROV li waħdu avvanza u ma kellux problema jegħleb lil Farrugia.
L-andament tal-logħba fl-aħħar minuti baqa’ l-istess bis-sostitut Gianluca Zammit ikollu żewġ okkażjonijiet tajba u ftit wara xutt ta’ Dimitrov għadda barra.
//= $special ?>