“Il-Gvern Laburista nesa’ lill-ħadiema” – Ivan Castillo
Il-Partit Laburista li dejjem ftaħar li hu qrib il-ħaddiema, issa njora propja lilhom. Iddikjara dan Ivan Castillo, President tal-fergħa Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista.
Hu kkwota lill-eks President Eddie Fenech Adami, li kien jgħid li qalb il-Partit Nazzjonalista hi mal-ħaddiema. L-istess kien jgħid Joseph Muscat, illum Prim Ministru, iżda l-verità turi xort’oħra b’union wara l-oħra li qed tirreġistra tilwima industrijali wara l-oħra f’xhieda tal-għebusija tar-ras tal-Gvern.
Semma’ kif l-impjegati tas-settur tas-saħħa, kif ukoll il-letturi u l-istudenti u ħafna professjonisti oħra qed jiżfnu fin-nofs għaliex il-Gvern qed iżomm iebes u ma jtihomx dak li ħaqqhom f’kuntrast ma’ Gvern li jgħid li hu mal-ħaddiema.
Semma’ wkoll il-kwistjoni tal-isptarijiet lokali, li għaddew għand il-kumpanija Vitals li l-Gvern jibqa’ jaħbi min hemm warajha.
Qal li dan il-Gvern il-poter telalu għal rasu, u miegħu qed jeħel iż-żgħir, il-ħaddiem.
“Id-diskrepanza bejn il-familji Maltin qed tkompli tikber” – Graziella Attard Previ
Il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista Graziella Attard Previ rreferiet għall-household budgetary survey li ħareġ iktar kmieni din il-ġimgħa u jitkellem dwar l-ispiża li l-familji Maltin għandhom bżonn biex jgħixu.
Qabblet din l-istatistika ma’ oħra li turi li f’pajjiżna għandna mas-70,000 persuna bi dħul baxx f’xhieda tad-diskrepanza li qed tinħoloq f’pajjiżna. Semmiet ukoll kif 16,000 tifel u tifla jinsabu f’riskju ta’ faqar, qed jiżdiedu s-single parents li 7,000 minnhom jinsabu f’riskju ta’ faqar.
Qalet li l-politiċi ghħandhom dover li jisimgħu il-vuċi baxxa ta’ dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà anke fid-dawl li fost l-ikbar spejjeż f’pajjiżna hemm affarijiet bażiċi bħat-trasport u l-ikel.
Hi wegħdet li l-Partit Nazzjonalista se jaħdem bis-sħiħ fis-settur soċjali, anke billi jippreżenta diversi miżuri li jżid id-dħul tal-familji l-iktar fil-bżonn.
“Pajjiżna jixraqlu l-aħjar fis-settur tas-saħħa” – Herman Farrugia
Min-naħa tiegħu t-tabib Herman Farrugia, kandidat tal-Partit Nazzjonalista, qal li m’hawnx familja li ma tgħożżz is-saħħa u li tara li tagħmel dak kollu li hemm bżonn meta tispiċċa f’sitwazzjoni ta’ mard. Iżda f’pajjiżna s-settur tas-saħħa bħalissa qed jinħass anke l-pedament tiegħu jitħarrek.
Fakkar kif il-Partit Nazzjonalista nvesta fil-mediċina preventiva tal-kanċer kif ukoll screening b’xejn. Iżda issa nnota kif kumpaniji privati ħadu għal kollox, b’esklussività u fit-tul għal kważi seklu sħiħ, l-isptarijiet privati ta’ Malta. Dan kollu sar bil-moħbi tant li anke l-klkuntratti ippubblikati kienu mimlija paġni bi kliem u dettalji ngassati biex kollox jibqa’ jsir bil-moħbi.
“Partit Nazzjonalista li se jkun aġent tal-bidla” – Justin Schembri
Justin Schembri, hu wkoll kandidat tal-Partit Nazzjonalista, wiegħed li l-Partit Nazzjonalista jrid ikun aġent li jġib il-bidla u se jkun qed jieħu azzjoni, mhux biss jitkellem, dwar diversi kwistjonijiet li għaddejjin bħalissa f’pajjiżna.
Hu tkellem dwar l-istudenti, b’mod speċjali dawk tal-MCAST, li jinsabu f’limbu u ma jafux x’se jiġri minnhom hekk kif huma amqbuda f’nofs kwistjoni bejn l-MCAST u l-MUT. Dan filwaqt li l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ħasel idejh mis-sitwazzjoni.
Hu qal li l-gvern għandu jinvesti f’dawk li fil-futur iridu jkunu huma li jmexxu lil pajjiżna. Wissa’ li sfortunatament l-edukazzjoni f’pajjiżna tinsab bejn ħalltejn u appella għal investiment f’settur li sejjaħlu mill-iktar kruċjali. Dan filwaqt li wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jaħdem dwar dan biex il-problema li għandna fl-edukazzjoni tiġi ndirizzata sakemm tiġi eliminata.
//= $special ?>

