Il-gazzetta il-mument żvelat żviluppi b’rabta mal-ħatriet li mistennija jsiru ta’ eks-Deputati Laburisti biex isiru parti mill-korp diplomatiku, qed ikomplu jistunaw mal-mod żbaljat u xejn trasparenti li bih il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin mexxa l-inkjesta wara r-rapport li deher fil-gazzetta prestiġjuża Il Sole 24 ore.
Wara xahrejn ta’ ħabi dwar ir-rapport li sar minn tliet segretarji permanenti u mhux minn kummissjoni indipendenti mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, fl-istess ministeru kien jeżisti rapport li internament beda jissejjaħ bħala “cover up”. Waqt li l-Ministru Carmelo Abela f’mistoqsijiet parlamentari varji tad-Deputat Nazzjonalista David Stellini u tax-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici, iddikjara li ma nstab “xejn” minn dak li ddikjarat il-gazzetta Taljana, tul il-ġimgħa kien hemm deċiżjonijiet ġodda meħuda malajr malajr biex jitgħatta kompletament dak li seħħ.
il-mument qed tiżvela li tant kien hemm inkwiet fuq dak li nstab li diversi kienu n-nutara u l-avukati li rċivew telefonati urġenti biex imorru l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u jiffirmaw mill-ġdid għall-awtentikazzjoni tad-dokumenti.
Osservaturi politiċi li tkellmu ma’ il-mument qed jgħidu li dan l-aġir sħiħ qiegħed ikompli jpoġġi f’dubju l-kredibbiltà ta’ pajjiżna kif ukoll qiegħed jikxef li waqt li l-Ministru jkun imsiefer, hemm Kastilja li qed tidħol b’saħħa f’kollox.
Nhar l-Erbgħa li għadda fil-Parlament, il-Ministru Carmelo Abela li kien qiegħed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici, il-Ministru ddeċieda li ma jippubblikax ir-rapport sħiħ tal-inkjesta għal dak li huwa sejjaħ “sensittività b’rabta mal-ħidma fi ħdan il-Ministeru.” Hu għażel biss li jippubblika l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet.
Jirriżulta li mid-dokument (paġna waħda) li l-Ministru Carmelo Abela qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti ma nstab xejn li jikkonferma dak li kien irrappurtat fil-ġurnal Taljan imma interessanti l-fatt li l-Bord ta’ Inkjesta ħass il-bżonn li jagħti l-parir biex “immedjatament is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin taħtar grupp ta’ ħidma biex jirrevedi l-proċedura addottata biex tiżgura li ċ-ċertifikazzjonijiet isiru verament skont dak li qed jitolbu l-konvenzjonijiet jew liġijiet internazzjonali.” Il-Bord ta’ Inkjesta jkompli li “għandu jiġi żgurat ukoll li l-proċedura addottata tkun waħda li ma tħallix lok ta’ abbużi u li tissalvagwardja r-reputazzjoni u l-amministrazzjoni tal-Ministeru. Għalhekk huwa importanti li l-upgrads tas-sistema li qegħdin jiġu diskussi jiġu finalizzati kemm jista’ jkun malajr.”
Mitlub jikkummenta minn il-mument, ix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici qal, “Dan huwa rapport li sejjer iżid iktar f’moħħ in-nies l-opinjoni li l-proċeduri interni ma kinux qed jiġu segwiti korrettement u għalhekk flok se jonqsu s-suspetti dawn sejrin jiżdiedu. Ikun għalhekk f’kull każ ferm aħjar għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna jekk ir-rapport sħiħ jiġi pubblikat u ma jibqax mistur. Iktar u iktar meta kull jum nissemmew f’dell ikrah fil-midja Ewropea.”
//= $special ?>

