Internazzjonali

Ma jridux ikomplu jaqilbu l-arloġġ għall-ħin tas-Sajf

Il-Finlandja se tipprova tikseb l-appoġġ biex jintemm iż-żmien magħruf bħala ‘daylight saving time’ fi ħdan l-UE, xhur wara li ’l fuq minn 70,000 Finlandiż iffirmaw petizzjoni.
Anne Berner, bħala l-Ministru tal-Finlandja għat-Trasport u l-Komunikazzjoni, qalet li l-iskop tal-Gvern tagħha ‘hu li jabbanduna l-prattika b’mod uniformi fi ħdan l-Unjoni’.
L-ebda pajjiż tal-UE ma jista’ jtemm, b’mod indipendenti, il-prattika li ‘javvanza l-arloġġi’ b’siegħa waqt ix-xhur tas-sajf, bil-għan li d-dawl naturali jestendi għal kmieni filgħaxija. Intant, is-27 Stat tal-UE iridu jagħmlu flimkien il-bidla potenzjali.
Kumitat parlamentari fil-Finlandja ikkonkluda li ‘il-bidliet għall-ħin’ joħolqu l-problemi għall-irqad fuq qasir żmien, waqt li jaffettwaw il-kapaċitajiet tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol’. Ingħad ukoll li l-bidliet kapaċi jwasslu għal problemi serji tas-saħħa.