SAN ĠILJAN TUM INVEST…10
SLIEMA FRANK SALT………..8
(4-2), (2-1), (3-2), (1-3)
San Ġiljan Tum Invest huma r-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-Enemed Cup wara li kif mistenni għelbu l-isfida ta’ Sliema Frank Salt 10-8. B’din ir-rebħa huma kisbu t-33 rebħa konsekuttiva fil-kompetizzjonijiet kollha rekord assolut, u laħqu livell li qegħdin fi klassi għalihom.
Iżda l-partita li dehret sejra naħa waħda, kellha faċċata differenti fit-tieni parti tal-logħba hekk kif Sliema pruvaw iwettqu reazzjoni tard, bil-vantaġġ ta’ San Ġiljan jonqos drastikament.
Bidu tipiku ta’ San Ġiljan li fetħu b’saħħithom u marru 4-0 minn fuq b’gowls minn doppjetta ta’ Matthew Zammit, Paul Fava u Ben Plumpton. Wara l-ħasda inizjali, Sliema stejqru ftit b’żewġ gowls ta’ Nicholas Bugelli u gowl tajjeb ta’ Jerome Gabarretta lejn it-tmiem.
It-tieni sessjoni kienet aktar movimentata b’San Ġiljan jibqgħu jikkontrollaw il-logħba u b’żewġ gowls oħra ta’ Paul Fava marru 6-2 minn fuq. It-tensjoni bejn iż-żewġ timijiet bdiet tiżdied ukoll fejn fosthom spikka argument ħdejn il-lasta ta’ Sliema, liema azzjoni tkompliet b’Sliema jnaqqsu d-distakk.
Ben Plumpton għamel l-iskor 7-3 lejn nofs it-tielet sessjoni. Daqqa ta’ ħarta għal Sliema tliet minuti u 33 sekonda mit-tmiem is-sessjoni, hekk kif tkeċċa għal brutalità Michael Spiteri Staines, B’hekk Sliema kellhom jilagħbu b’raġel anqas għal erba’ minuti.
Il-Ġiljaniżi dehru li se jieħdu vantaġġ meta skorjaw żewġ gowls minn Plumpton u Dino Zammit, iżda Sliema skorjaw darbtejn qabel tmiem is-sessjoni biex id-distakk baqa’ ta’ erba’ gowls.
Wara li Darren Zammit għamilhom 10-5, San Ġiljan donnhom irrilassaw u taw ċans lil Sliema biex jidħlu fil-logħba bi tliet gowls konsekuttivi biex l-iskor spiċċaw 10-8 bi ftit anqas minn tliet minuti għat-tmiem. Iżda fl-aħħar mumenti, id-difiża ta’ San Ġiljan żammet sod biex rebħet il-logħba.
Fi tmiem il-logħba, il-Kap Eżekuttiv ta’ Enemed Kevin Chircop preżenta t-tazza lill-captain Matthew Zammit.
San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg, M. Borg, B. Grech, J. Galea, M. Zammit (2), B. Plumpton (3), C. Farrugia, T. Said, Da. Zammit (1), P. Fava (3), Di. Zammit (1), P. Fava, T. Micallef, A. Saliba, A. Abela
Sliema: J. Sammut, J. Gabarretta (2), D. Fenech, M. Carani, M. Meli (1), K. Dowling (3), M. Spieri Staines, J. Saliba, M. Cordina, Z. Galea Mule, Z. Mizzi, N. Bugelli (2), A. Theuma
Referees: Ronnie Spiteri, Massimo Angileri
Bidu tajjeb iwitti t-triq għar-rebħa
SIRENS GREENTUBE………10
NEPTUNES LEO VEGAS…..8
(3-1), (3-2), (3-2), (1-3)
Sirens Greentube temmew il-kompetizzjoni fit-tielet post wara li għelbu lil Neptunes Leo Vegas 10-8 f’logħba li setgħu tilfu dak kollu li bnew tul il-logħba. Dan għaliex minn vantaġġ komdu ta’ erba’ gowls fil-bidu tal-aħħar sessjoni, spiċċaw b’vantaġġ ta’ gowl lejn it-tmiem.
Sirens bdew tajjeb il-logħba meta rebħu l-ewwel sessjoni 3-1. Il-veteran Charlie Zammit fetaħ l-iskor għal Sirens, Matthias Azzopardi ġab id-draw, iżda Jacob Sciberras u Ayrton Camenzuli taw vantaġġ doppju lit-tim ta’ Popovski.
It-tieni sessjoni fetħet b’Sirens jipprotestaw għal dak li huma sejħu żball tekniku minħabba li appellaw għal żball fin-numru ta’ sekondi li Neptunes kellhom lejn tmiem l-ewwel sessjoni.
Neptunes irnexxielhom iġibu d-draw tat-tieni sessjoni, iżda Sirens reġgħu ħadu f’idejhom il-logħba u skorjaw tliet gowls brillanti b’mod konsekuttiv biex daħlu jistrieħu 6-3 minn fuq.
Sirens komplew jikkmandaw il-logħba u fetħu vantaġġ ta’ ħames gowls. Doppjetta ta’ Jordan Camilleri naqset id-distakk iżda John Brownrigg assigura li Sirens jibdew l-aħħar sessjoni 9-5 minn fuq.
Minkejja d-distakk, Neptunes irnexxielhom jidħlu fil-logħba b’doppjetta oħra ta’ Jordan Camilleri u Nicholai Zammit. Iżda gowl ta’ John Bronwrigg minuta mit-tmiem għalaq il-logħba.
Sirens: N. Grixti, J. Zerafa Gregory, L. Falzon, J. Sciberras (3), M. Grech (2), A. Camenzuli (1), C. Mercieca, I. Riolo (1), J. Brownrigg (2), C. Zammit (1), G. Sammut, M. Sciberras, J. Ciantar
Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (1), K. Erdogan, G. Pace, M. Martellacci, M. Lanzon, J. Muscat, J. Camilleri (4), J. Culic, M. Zammit, N. Zammit (1), M. Azzopardi (2), F. Buhagiar
Referees: Peter Balzan, Stefan Licari
Valletta jirbħu partita kwieta
EXILES JETFREIGHT…….2
VALLETTA UNITED……….3
(1-1), (0-2), (0-0), (1-0)
F’logħba kwieta, Valletta United temmew l-impenji tagħhom fl-Enemed Cup bit-tieni rebħa tal-kompetizzjoni fuq Exiles Jetfreight din id-darba 3-2 biex kisbu l-ħames post.
Ir-rebħa tista’ titqies meritata għaliex Valletta għarfu jikkontrollaw, fejn qatt ma kienu minn taħt, filwaqt li Exiles ma kinux fil-forma tas-soltu, kompliċi l-fatt li l-kowċ Kayne Lanzon kellu biss tmien plejers għajr il-gowlkipers.
Bidu tajjeb minn Valletta li fetħu l-iskor minn Nicholas Farrugia, iżda Exiles ġabu d-draw lejn tmiem is-sessjoni permezz ta’ Aurelien Cousin. Fit-tieni sessjoni, Valletta kienu aktar kompatti mill-avversarji u ħadu vantaġġ ta’ żewġ gowls permezz ta’ konklużjonijiet tajbin ta’ James Spiteri Staines.
Il-logħob wara l-mistrieħ kien bilanċjat, iżda ż-żewġ timijiet mhux biss naqsu li jsibu x-xibka, imma ħolqu ftit okkażjonijiet ċari ta’ gowls. Kien fl-aħħar 16-il sekonda li Exiles setgħu naqsu l-iskor meta reġgħu rebħu l-pussess, u spiċċaw tlieta kontra tnejn, iżda l-gowlkiper ta’ Valletta Ryan Sciortino dawwar tajjeb f’korner.
B’distakk ta’ żewġ gowls wieħed kien qed jistenna reazzjoni aktar b’saħħitha ta’ Exiles li ma tantx waslet. Huma daħlu b’ċans tajjeb li jsalvaw il-logħba meta lejn it-tmiem skorjaw f’azzjoni maħduma tajba, b’Benji Lanzon jegħleb lil Ryan Sciortino f’okkażjoni ta’ man-up. Iżda Valletta rnexxielhom iżommu l-pussess sat-tmiem biex kisbu r-rebħa.
Exiles: M. Castillo, L. Felice, T. Sullivan, S. Xerri de Caro, M. Fenech, K. Griscti, N. Paris, A. Cousin (1), B. Lanzon (1), G. Ciappara
Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines (2), L. Calleja, N. Farrugia (1), R. Scerri, R. Mock, D. Paolella, N. Bonello Ghio, D. Saliba, A. Agius, K. Galea, A. Mifsud
Referees: Alex De Raffaele, Neville Mercieca
//= $special ?>