Sport Sport Ieħor

TENNIS – Roger Federer jirbaħ l-Open tal-Awstralja

Federer bit-trofew

Kif kien mistenni Roger Federer rebaħ l-Open tal-Awstralja meta fil-finali rebaħ bi skor ta’ 6-2 6-7 (5-7) 6-3 3-6 6-1 kontra t-tennista Kroat Marin Cilic.

Il-wirja ta’ dan tal-aħħar kienet waħda tajba imma xorta waħda ma kinitx biżżejjed għal kontra t-tennista Żvizzeru li ta’ 36 sena qed ikompli jitjieb sena wara l-oħra. Din kienet it-tieni sena konsekuttiva li Federer rebaħ dan il-Grand Slam.

Din kienet is-sitt darba li Federer rebaħ dan l-Open filwaqt li dan kien l-20 Grand Slam li rebaħ fil-karriera tiegħu. B’hekk hu sar ir-raba’ tennista wara Margaret Court, Serena Williams u Steffi Graf li rebaħ 20 Grand Slam jew aktar matul il-karriera.

Fl-istess waqt kompla kabbar il-vantaġġ tiegħu hekk kif issa jinsab fil-quċċata tal-aktar raġel li qatt rebaħ Grand Slams, b’erbgħa aktar mill-eqreb rivali tiegħu Rafael Nadal.

Issa Federer ingħaqad ma’ Novak Djokovic u Roy Emerson bħala l-aktar tennisti li qatt rebħu dan l-Open.
Fl-ewwel kummenti li ta Federer wara li rebaħ il-kompetizzjoni esprima s-sodisfazzjon tiegħu.

Hu rringrazzja lill-partitarji tiegħu u qallhom li hu minħabba fihom li jibqa’ motivat biex jibqa’ jilgħab dan l-isport u jikkompeti fl-ogħla livell.

Minn naħa tiegħu Cilic awgura lil Federer filwaqt li qal li jittama li din is-sena tkompli b’dan ir-ritmu hekk kif fakkar li din kienet it-tieni finali li lagħab f’dawn l-aħħar sitt xhur.