Minn meta Adrian Delia nħatar il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista fi tmiem is-sajf li għadda, fil-Partit Nazzjonalista daħlet mewġa mill-aktar inkoraġġanti ta’ tesserament totalment ġdid kif ukoll mewġa oħra sabiħa minn tesserament li fis-snin li għadda għal xi raġuni kien waqaf.
Dwar dan tkellimt ma’ Jean Pierre Debono, iċ-Chief Political Coordinator, li fisser li minn nofs Settembru li għadda ’l hawn l-akbar ammont ta’ tesserament ġdid sar mil-lokalitajiet ta’ Birkirkara, il-Mosta, Tas-Sliema, in-Naxxar u San Ġwann. Dawn jirriżulta li huma l-aqwa ħames lokalitajiet f’din il-mewġa ta’ tesserament totalment ġdid li b’kollox tammonta għal aktar minn elf tessera ġdida.
Jean Pierre Debono kompla li madankollu hi inkoraġġanti ħafna l-mewġa ta’ tesserament minn diversi lokalitajiet oħrajn, fosthom Ħaż-Żabbar, Ħ’Attard, Ħal Qormi, il-Belt Valletta, is-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ u l-Ħamrun.
F’termini ta’ distretti elettorali, l-aktar tesserament ġdid sar mit-Tmien Distrett Elettorali. Immedjatament warajh jiġu l-Ewwel Distrett Elettorali u d-Disa’ Distrett Elettorali.
Jean Pierre Debono kompla li fattur mill-aktar interessanti hu li meta wieħed janalizza l-etajiet tat-tesserament il-ġdid isib li 25 fil-mija ta’ dawk li ttesseraw fil-Partit Nazzjonalista huma żgħażagħ ta’ bejn is-16-il sena u l-25 sena. Barra minn hekk, 25 fil-mija oħrajn huma dawk li għandhom l-età ta’ bejn il-31 sena u l-45 sena. 29 fil-mija ta’ dawn it-tesseramenti ġodda huma fost dawk li għandhom bejn is-46 sena u s-60 sena.
Hu qal li dan hu riżultat mill-aktar pożittiv, l-aktar għaliex 50 fil-mija ta’ dawk li ttesseraw ġodda fil-Partit jirriżulta li allura għandhom inqas minn 45 sena.
Mistoqsi dwar il-qasma bejn irġiel u nisa fir-rigward ta’ dawn it-tesseramenti ġodda, Jean Pierre Debono qal li għall-ewwel darba jirriżulta li l-akbar għadd ta’ tesseramenti ġodda hu fuq in-nisa. Fil-fatt, jirriżulta li 54 fil-mija ta’ dawk li ttesseraw ġodda minn Settembru ’l hawn huma nisa u l-kumplament, jiġifieri 46 fil-mija, huma rġiel.
Tkellimna mbagħad dwar tesserament li reġa’ sar mill-ġdid wara li fis-snin li għaddew, għal raġuni kien waqaf. Jirriżulta li 47.3 fil-mija ta’ dawn it-tesseri mġedda ġejjin minn każijiet li jmorru lura għall-perjodu bejn l-1989 u l-2002. F’dak il-perjodu kien hemm numru ta’ persuni li għal xi raġuni waqfu jħallsu t-tessera tagħhom iżda issa dawn reġgħu ħallsuha mill-ġdid bejn Settembru u Diċembru li għadda.
Jean Pierre Debono qal li dan ix-xenarju hu wieħed pożittiv ħafna għall-Partit Nazzjonalista li jrid ikompli jaħdem u jistinka biex ikun viċin ħafna tan-nies u jitkellem bil-vuċi tan-nies.
Hu qal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ta’ kuljum qiegħed ikun viċin tal-poplu Malti u Għawdxi u dan billi kważi kuljum iżur xi lokalità jew oħra fejn jiltaqa’ mill-qrib u bl-aktar mod informali man-nies u allura jisma’ mingħandhom dak kollu li jkollhom xi jgħidu.
Barra minn hekk, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jissokta bl-eżerċizzju tiegħu li jikkuntattja lil dawk kollha li xi darba kienu tesserati fil-Partit u ma baqgħux. Dawn il-kuntatti qed jirriżultaw f’eżerċizzju mill-aktar san u importanti u qed iwassal lill-Partit biex jifhem aħjar għaliex in-nies kienu tbiegħdu mill-Partit Nazzjonalista.
Jidher biċ-ċar, kompla Jean Pierre Debono, li n-nies qed japprezzaw din il-politika ġdida u pożittiva li qiegħed iġib fil-pajjiż il-Partit Nazzjonalista u n-nies qed juru wkoll li huma jemmnu f’din it-Tmexxija ġdida u qed jagħtuha l-appoġġ u s-sostenn tagħhom biex taħdem u tikseb ir-riżultat.
//= $special ?>