Lokali

APPELL GĦALL-GĦAJNUNA: Il-Pulizija qed tfittex żewġ persuni fuq attentat ta’ qtil

Il-Pulizija qed tfittex żewġ persuni li nqabdu f’kameras tas-sigurtà f’attentat ta’ qtil li seħħ il-Ħamis li għadda fi Triq il-Miratur, fil-Floriana.

Wieħed minn dawk imfittxija hu l-Libjan Omar Mohammed Hussein Mustafa, li għandu 32 sena, waqt li t-tieni persuna għadha ma ġietx identifikata.

Net News jinsab infurmat li l-vittma ġie f’sensieh kważi tlett ijiem wara li seħħ dan il-każ. Hu sofra żewġ farretti kbar f’sidru u fil-parti ta’ taħt ta’ żaqqu meta l-akkużati fajru lejh daqqiet ta’ arma bil-ponta u li taqta’.

Il-Pulizija mid-distrett tal-belt, li waslu fil-post ftit wara li daħal ir-rapport, sabu lill-vittma mixħut mal-art f’għadira demm u mitluf minn sensieh. Huma akkwistaw ukoll filmati mill-kameras tas-sigurtà li juru dak kollu li seħħ matul il-lejl.

Min għandu xi informazzjoni dwar fejn jinsab Mustafa, jew min hu r-raġel li kien qed jakkumpanjah, hu mitlub jikkuntattja lill-Pulizija anke b’mod kunfidenzjali fuq 119, fuq in-numru tal-Kwartiei tal-Pulizija fuq 21224001 jew direttament lill-Pulizija tal-Belt fuq 22943101 jew 22943114.