Lokali

Birdlife imħassba bi żvilupp ta’ blokk t’appartamenti faċċata tas-Simar

BirdLife Malta bagħtet ittra miftuħa liċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) Victor Axiak u liċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) Vincent Cassar biex tesprimi t-tħassib  tagħha għall-iżvilupp ta’ blokk ta’ appartamenti li qed ikun propost faċċata tar-Riserva Naturali tas-Simar fi Triq ilPwales, ix-Xemxija.

L-applikazzjoni għall-iżvilupp li tipproponi “t-twaqqigħ ta’ djar, il-kostruzzjoni ta’ ħames appartamenti, recessed floor u garaxx semi-basement” fl-istess triq tar-riserva tista’ tipperikola l-eżistenza tas-santwarju protett tal-għasafar li jifforma parti minn sit Natura 2000 li wieħed mit-truf tiegħu jdawwar zona tal-iżvilupp li tinkorpora lix-Xemxija.

Ir-riserva hija wkoll ikklassifikata bħala Zona Speċjali ta’ Konservazzjoni  għall-ħabitati tagħha u bħala Zona ta’ Protezzjoni Speċjali għall-għasafar. Dan minbarra li hija zona ta’ importanza ekoloġika. Fl-ittra ffirmata mill-Kap Eżekuttiv Mark Sultana, BirdLife Malta esprimiet il-preokkupazzjonijiet tagħha li l-pjani sottomessi mhumiex skont dak li tgħid il-policy Xemxija Building Heights li tifforma parti mill-Pjan Lokali tal-Majjistral. Il-limitazzjonijiet marbutin mal-għoli tal-bini taħt din il-policy jesiġu massimu ta’ erba’ sulari, imma l-pjani proposti f’dan l-iżvilupp jindikaw li l-iżvilupp propost se jkun jaqbeż dawn il-limitazzjonijiet minħabba li hemm il-pjan li jinbnew sitt sulari ta’ appartamenti fosthom recessed floor.

Fid-dawl ta’ dan, BirdLife Malta qed tħeġġeġ kemm lill-ERA kif ukoll lill-PA biex b’seħħ immedjat jiddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom minħabba n-natura sensittiva tas-sit u biex jekk ikun meħtieġ jaġġornaw il-policies inkwistjoni biex jiżguraw li tiġi osservata buffer area għas-sit Natura 2000.