Lokali

Fake news mil-Labour f’attentat li jgħatti l-problemi veri tal-pajjiż

F’attentat iddisprat mill-Partit Laburista biex jipprova jdawwar l-attenzjoni minn fuq il-problemi tal-pajjiż, permezz tal-media tiegħu kompla jivvinta stejjer ta’ riżenji fil-Partit Nazzjonalista.

Bl-aħħar minn sensiela ta’ stejjer fittizji mill-Partit Laburista tkun dik li rriżenjat Janet Barthet, l-assistenta personali taċ-Chairman Eżekuttiv ta’ media.link communications. F’post fuq Facebook Janet Barthet iddeskriviet din l-aħbar bħala fake news u b’ritratt anness mal-post spjegat li għadha taħdem kemm ma Adrian Delia, Pierre Portelli, Clyde Puli u l-bqija tat-tim.

Din l-istorja ssegwi storja oħra ppublikata lbieraħ mimlija invenzjonijiet li deheret fil-gazzetta tal-Partit Laburista. Storja li wkoll ġabet reazzjonijiet u ċaħdiet. Fost oħrajn tal-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet Fabian Demicoli li f’post fuq Facebook qal li flimkien ma’ Pierre Portelli u l-ħaddiema qed ikompli jaħdem fosthom fuq l-iskeda ta’ Ottubru li ġej.

Anke Sergio Mallia f’post fuq Facebook ċaħad li kien avviċinat biex jieħu f’idejh il-kariga ta’ Kap tal-Kamra tal-aħbarijiet.