Futbol Sport

FUTBOL LOKALI – Malta se taffronta lill-Finlandja

Ritratt - Paul Zammit Cutajar

It-tim nazzjonali Malti se jilgħab partita ta’ ħbiberija kontra l-Finlandja. Din se tintlagħab fil-belt ta’ Belek fit-Turkija fis-26 ta’ Marzu, jiġifieri erbat ijiem wara li Malta tkun lagħbet logħba oħra ta’ ħbiberija, dik kontra l-Lussemburgu f’Ta’ Qali.

Il-Finlandja se jkunu qegħdin jagħmlu kamp ta’ taħriġ fit-Turkija u minbarra li se jilagħbu kontra Malta se jilagħbu anke kontra l-Maċedonja.

Il-partiti ta’ ħbiberiji kontra l-Finlandja u l-Lussemburgu se jsegwu l-partita ta’ ħbiberija li kellha Malta f’Novembru li għadda kontra l-Estonja, partita li kienet immarkat id-debutt ta’ Tom Saintfiet bħala l-kowċ nazzjonali ta’ Malta.

Il-Finlandja bħalissa qed jokkupaw it-68 pożizzjoni f’dawk li huma rankings mondjali tal-FIFA filwaqt li Malta qed tokkupa l-185 pożizzjoni.

Ta’ min jiftakar li dawn il-partiti se jservu bħala tħejjija għall-Uefa Nations League li se tkun qed tieħu sehem fih Malta aktar tard matul din is-sena. Ġimgħa ilu ttellgħu l-poloz tal-ewwel edizzjoni tal-UEFA Nations League. It-tim nazzjonali Malti se jibda l-impenji b’logħba barra minn pajjiżna kontra l-Gżejjer Faroe l-Ġimgħa 7 ta’ Settembru 2018.

L-ewwel impenn tat-tim nazzjonali Malti f’Ta’ Qali se jkun kontra l-Ażerbajġan fl-10 ta’ Settembru. F’Ottubru, it-tim nazzjonali taħt it-tmexxija ta’ Tom Saintfiet għandu żewġ impenji barra minn dahru kontra l-Kosovo fil-11 ta’ Ottubru u tlett ijiem wara kontra l-Ażerbajġan.

Malta tagħlaq l-impenji tagħha b’żewġ partiti f’pajjiżna f’Novembru. Fis-17 ta’ Novembru Malta tilgħab kontra l-Kosovo qabel ma tilgħab kontra l-Gżejjer Faroe fl-aħħar logħba t-Tlieta 20 ta’ Novembru.

Rebħa għal Malta
Doppjeta ta’ Veronique Mifsud tat rebħa ta’ 2-0 lit-tim Malti tan-nisa ta’ taħt is 16-il-sena kontra l-Andorra, fl-ewwel partita mill-UEFA Girls U-16 Development Mini-Tournament.

It-tim Malti mar fil-vantaġġ permezz tal-plejer ta’ Birkirkara fit-23 minuta biex fl-34 minuta l-istess plejer għalqet il-partita bit-tieni gowl personali tagħha.

It-tieni impenn tat-tim immexxi minn Dorianne Theuma huwa għada fil-11am kontra Ġibiltà.

Tibdil fil-programm
L-MFA ħabbret tibdil fil-programm ta’ logħob tal-Kampjonat BOV Premier għal tmiem din il-ġimgħa.
Il-partita bejn Mosta u Hibernians li kellha tintlagħab nhar is-Sibt 3 ta’ Frar ser tintlagħab nhar il-Ħadd 4 ta’ Frar fil-grawnd ta’ Ta’ Qali fis-2.00pm.

Il-partita bejn Floriana u Hamrun Spartans li kellha tintlagħab nhar il-Ħadd 4 ta’ Frar ser tintlagħab nhar is-Sibt 3 ta’ Frar fil-Hibernians Stadium fl-4.00pm.