Kunsilli Lokali Lokali

Ħidma kontinwa fil-Kapitali mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta

Il-Belt Valletta: waħda mit-tliet siti fil-lista tal-UNESCO
Il-Kunsill Lokali ħadem bla heda sabiex Malta tikseb 25 miljun ewro għar-riġenerazzjoni tal-Belt.

Artiklu li deher fuq in-Nazzjon nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Jannar

Valletta 2018, pjan għaqli għar-riġenerazjoni tal-Belt Kapitali.

Din il-ġimgħa kien xieraq li nieħdu l-kummenti tas-Sindku tal-Belt Valletta Alexei Dingli, hekk kif tkellimna aktar dwar il-ħidma tal-Kunsill Lokali Belti mhux biss għal aktar ċentri fil-Belt li jattiraw nies, iżda ħidma oħra li tikkonċerna sewwa sew lill-Beltin residenti.

Dingli fetaħ l-intervista, li bħal kull Belti, huwa kburi li Valletta hija wirt dinji tal-UNESCO u minn nhar is-Sibt li għadda hija saret uffiċjalment il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. Dan wara għaxar snin ta’ ħidma u viżjoni biex il-Kapitali tkun kapitali tal-Maltin kollha.

Is-Sindku tal-Belt stqarr miegħi li għadu jiftakar sewwa sew meta l-Kummissjoni Ewropea, għażlet l-2018 bħala s-sena, meta lokalità f’Malta, se tingħata dan it-titlu tant prestiġjuż. Dak iż-żmien, bħala Sindku tal-Belt Valletta u bħala tifel Belti, li twieled u trabba fiha, ma kellu l-ebda dubju li l-Belt Valletta, bl-istorja glorjuża tagħha, ħaqqha dak it-titlu. “Kont naf li din kienet opportunità tad-deheb biex il-belt tagħna tgħaddi minn fażi ta’ riġenerazzjoni tant meħtieġa, l-applikazzjoni f’isem għall-Belt Valletta żgur hija ta’ gwadan għall-Belt u għal Malta”. Dan it-titlu ħoloq aktar għarfien dwar il-Belt Valletta u aktar u aktar dwar Malta, il-wirt patrimonju kulturali u tradizzjonali li jinsab f’kull belt u raħal f’Malta u Għawdex, kollha jinsabu esebiti fuq livell internazzjonali. 

Huwa qalli li ftit jirrealizzaw ix-xoħhol kollhu li sar fil-Belt bħala preparament għal din is-sena. Il-proġett li beda din il-ħidma kollha kien dak ta’ Pjazza San Ġorġ, hekk din ma baqgħetx tintuża bħala parkeġġ u ingħatat lura lil-poplu. Din ma kinitx deċiżjoni faċli iżda deċizjoni importanti li bdiet viżjoni ġdida. Din id-deċizzjoni issa tfisser li hemm aktar spazju miftuħ ta’ rikreazzjoni, post għall-familji u t-tfal.

Sodisfatt bix-xogħol ta’ restawr, Dingli stqarr ma’ ‘in-Nazzjon’, li issa dan il-wirt Malti sar bini li jpaxxi l-għajnejn. Huwa qal iżda li l-Kunsill Lokali Belti dejjem żam f’rasu li kif il-Belt hija ċentru ta’ storja u kultura, bejta ta’ attività soċjali u ekonomiċi, il-Kunsill ried jagħti vuċi siewja lir-residenti tal-istess lokal. Huwa qal li il-Kunsill ukoll jħares li jiżdied aktar negozju u kummerċ għas-sidien tal-ħwienet gol-Belt u għall-operaturi turistiċi li joffru s-servizzi fil-Belt Valletta. Belt, li direttament u indirettament toffri l-impjieg lil eluf ta’ ħaddiema (ħafna minnhom Beltin) f’oqsma differenti.

Alexei Dingli qalilna li apparti l-fatt li Il-Belt Kapitali hija id-dar tal-Beltin, hija ukoll il-vetrina u fl-istess waqt mużew ħaj ta’ dak li jagħmilna Maltin: l-arti, il-kultura, il-mużika, l-istorja, l-iżviluppi politiċi, it-tradizzjonijiet u l-mod tal-għajxien tagħna l-Maltin. Għalhekk saru diversi proġetti f’kull parti tal-Belt Valletta. Proġetti li saru minn tarf sa tarf.

Huwa qalilna li b’vizjoni li kellu l-Partit Nazzjonalista, l-entratura tal-Belt saret daħla xieraq tassew għall-Kapitali Maltija, id-Daħla tal-Belt, il-Parlament il-ġdid u Pjazza Teatru Rjal. Sa oħrajn bħar-restawr ta’ Forti Sant Iermu, il-Palazz tal-President, il-Biblioteka Pubblika, Kastilja, u ħafna binjiet oħra. Huwa qal li l-iskop ma kienx li jitranġaw binjiet antiki biss, iżda li l-funzjoni ta’ dawn il-binjiet tinbidel sabiex isiru kalamita għat-turisti u dawk Maltin li jżuru l-Belt Valletta. “L-iskop aħħari hu li ir-riġenerazzjoni ma tibqax biss fil-qalba tal-Belt iżda tilħaq ukoll il-periferiji, il-qalba tar-resident”. Dingli qalilna li issa qed ikun hemm restawr mill-privat fil-Belt, f’binjiet li kienu abbandunati. Dan ix-xogħol illum qed jagħti l-frott. Il-Kunsill infatti ħa numru ta’ inizjattivi, f’dawn il-bnadi. Sar it-tarmak ta’ bosta toroq fil-Belt. Insista’ mal-awtoritajiet sabiex jiżdied l-infurzar fuq il-parkeġġ residenzjali. Kien hemm żieda fil-ġbir tal iskart għal darbtejn kuljum biex ikun hemm aktar indafa fil-Belt. Il-Kunsill Lokali Belti ħadem biex anke l-Beltin żgħażagħ jsiefru u jgħamlu reklamar tal-lokal tagħhom barra minn xtutna. Dan u ħafna proġetti oħra biex il-ħidma tal-Kunsill Lokali Belti tkun kontinwa għall-Beltin.

Alexei Dingli qal li dan iżda mhux biżejjed u għad fadal ħafna xogħol xi jsir. “Se nkomplu naħdmu għall-ġid tar-residenti Beltin.”

Wara insistenza mal-Gvern ċentrali, kien intlaħaq ftehim bejn il-Kunsill tal-Belt u l-Gvern biex il-ftit toroq li kien fadal fiz-zoni residenzjali jitranġaw. Biss mhux kollha lahqu tlestew qabel l-2018. Huwa qalilna li jittama li dawn jitlestew f’qasir żmien.

Kisba ta’ fondi mill-Kunsill għar-restawr tal-bankini

Bħala Kunsill Lokali, Dingli stqarr magħna li rnexxielhom jġibu numru ta’ fondi għar-restawr tal-bankini kollha tal-Belt Valletta. Dan ġie mqassam fi 3 fażijiet u dalwaqt ser jibda l-ewwel fażi fejn se jitlestew madwar 25 bankina fiz-zoni residenzjali.

Il-parkeġġ għadu problema kbira ta’ ħafna residenti, infatti kienet saret applikazzjoni għal fondi Ewropej biex jiġu installati indikaturi tal-parkeġġ sabiex jinforma r-residenti fejn hemm parkegg vojt u b’hekk, inaqqas l-iskonvenjent meta jkunu qedin ifittxu parkeġġ.

Qalilna li minħabba l-influss ta’ nies li qed ikun hemm il-Belt, wasal iż-żmien li ssir revizjoni fis-sistema ta’ parkeġġ fil-Belt sabiex taqdi aktar kemm lir-residenti kif ukoll lil min jżur il-Kapitali.

Il-Kunsill Lokali ħadem bla heda sabiex Malta tikseb 25 miljun ewro għar-riġenerazzjoni tal-Belt.

Huwa qalilna li waqt taħdidiet li kellu bħala Sindku fil-konferenza tas-Sindki tal-Kapitali Ewropej, ħadem u tkellem biex il-Kapitali Ewropej, jingħataw il-prijorità mill-Kummisjoni Ewropa bħala parti mill-Urban Agenda. Filfatt, l-Unjoni Ewropea allokat 25 miljun għar-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta u dawn se jintuzaw sabiex jitranġaw u jisbieħu bosta postijiet residenzjali.

Għall-komunità Beltija, il-Kunsill mill-binja tiegħu se jkun qed joffri bosta servizzi fosthom; day center, berġa, librerija reġjonali u anka laboratorju tal-kompjuters. Intalab ukoll lill-gvern sabiex tinfetaħ l-ewwel dar tal-anzjani fil-Belt Valletta ghax jemmnu li post il-Beltin anzjani huwa fil-Belt Valletta. Huwa wiegħed li tkompli l-ħidma biex ikun hemm xogħol ippjanat u ffukat fuq il-bzonnijiet tan-nies fil-Belt.

Huwa qalilna li viżjoni tal-Belt m’għandhiex tieqaf sal-V18, iżda għandha tmur lil hinn. “Għalina, hu importanti ħafna li l-2018 tħalli legat, kemm bhala attivitajiet li jsiru matul din is-sena, kif ukoll bhala bidla fil-kultura. Irridu nilħqu lin-nies kollha, mill-anzjani sa l-iżgħar fostna, għax aħna nemmnu li permezz tal-kultura biss, nistgħu nittamaw li jinħoloq futur aħjar għal gid ta’ kulħadd.”

Stqarr magħna li dan l-avveniment ma kienx ikun possibli mingħajr l-appoġġ tal-Gvernijiet differenti iżda ma jistax jonqos li nagħtu radd il-ħajr lil Dr Lawrence Gonzi li kien l-arkitett wara din il-viżjoni tal-Belt. Dingli qal li jħossu grat lejn kull min ħadem biex il-Belt qegħda fl-istat li qegħda llum.

Huwa għalaq magħna l-intervista billi qalilna li l-Kapitali Maltija, hija tal-Maltin kollha, talab li jkun hemm rispett lejn in-nies tal-lokal iżda talab ukoll biex ikun hemm tgawdija tal-Belt. Festi li se jibdew mill-Belt Valletta u se jimxu madwar Malta kollha.