Internazzjonali

Ibatti ftit mit-tħassib minħabba l-għargħar f’Pariġi

L-ilma tax-Xmara Seine, f’Pariġi, kienet laħqet livell stabbilit madwar erba’ metri ogħla mil-livell normali għal dan iż-żmien tas-sena.

Il-livelli tal-għargħar fil-kapitali Franċiża, issa telgħu sa 5.84 metru u ma kienx mistenni li dawn ibattu f’qasir żmien. Dan wara li ħalbiet tax-xita konsekuttivi li damu għal ġimgħat ikkontribwew għal-livelli għoljin tas-Seine.

Madwar 1,500 persuna spiċċaw evakwati mir-residenzi tagħhom fir-reġjun ta’ Pariġi filwaqt li numru ta’ djar simili baqgħu mingħajr elettriku.

Is-sitwazzjoni tax-Xmara Seine hi partikularment sinifikanti peress li l-aħħar inċidenza ta’ għargħar kbir, f’Pariġi, tmur lura għall-2016, fejn il-livelli tas-Seine kienu laħqu għoli ta’ 6.1 metri.
Numru ta’ stazzjonijiet tat-trasport pubbliku fil-kapitali kellhom jingħalqu sa, almenu, il-5 ta’ Frar minħabba din is-sitwazzjoni.

Diversi zoni fil-periferija ta’ Pariġi, sal-bieraħ, kienu koperti mill-għargħar waqt li numru ta’ residenti kellhom jużaw id-dgħajjes biex jaslu minn punt għall-ieħor, fost sensiela ta’ evakwazzjonijiet.
Minħabba s-sitwazzjoni kellhom jingħalqu wkoll numru ta’ skejjel.