Il-Ministri tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu fi Brussell biex jiffinalizzaw il-pożizzjoni minn fejn se jmexxu n-negozjati dwar il-perjodu tat-tranżizzjoni li jsegwi t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni.
Il-proposta għandha tesiġi biex il-perjodu tat-tranżizzjoni tal-Brexit idum minn Marzu tal-2019 sa Diċembru tal-2020. Intant, kelliema għall-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qalu li filwaqt li hemm ‘ftehim ġenerali dwar il-prinċipju’ fadal ukoll id-differenzi dwar ‘dettalji speċifiċi’.
Ir-Renju Unit qed jittama li jista’ jilħaq ftehim konkret mal-UE sa Marzu.
Il-perjodu tat-tranżizzjoni – li jirreferu wkoll għalih bħala perjodu għall-implimentazzjoni – jitqies bħala mezz biex jonqos it-taqlib ladarba r-Renju Unit jitlaq mill-UE. Dan meta t-taqlib mistenni jaffettwa setturi tax-xogħol u n-negozju; il-vjaġġi waqt il-btajjel u issues tas-sigurtà.
L-istess perjodu anki jippermetti aktar żmien biex ikunu finalizzati t-termini tar-relazzjonijiet tar-Renju Unit mal-UE għal wara l-Brexit.
Intant, uħud fir-Renju Unit mhumiex kuntenti bl-idea li r-Renju Unit se jkollu jsegwi r-regoli tas-suq ħieles u l-unjoni doganali (li jinkludu moviment ħieles għaċ-ċittadini tal-UE) filwaqt li jitlef id-drittijiet tal-vot.
//= $special ?>

