Il-President tal-Polonja, Andrzej Duda, qal li se jirrevedi pjani kontroversjali bil-għan li kwalunkwe suġġeriment ta’ kompliċità mill-Pollakki fl-Olokawst Nażista ikun iddikjarat illegali.
Iżrael oġġezzjona bil-qawwi għall-abbozz tal-liġi, li anki jagħmilha illegali li wieħed ifisser il-kampijiet tal-mewt tan-Nażisti fil-Polonja (waqt it-Tieni Gwerra Dinjija) bħala ‘kampijiet Pollakki’.
Il-kritiċi tal-abbozz qalu li qed jippruvaw jillimitaw id-diskussjoni dwar l-involviment tal-Pollakki fir-rigward tal-kampijiet. Dan meta l-Polonja ilha tinsisti li ma kellhiex tort li kienu twaqqfu dawk ‘iċ-ċentri tal-mewt’ f’artha min Nażisti ta’ Adolf Hitler. Il-Polonja qed tinsisti wkoll li l-kampijiet tal-mewt kienu jitmexxew kompletament mill-qawwiet Ġermaniżi li kienu okkupawlha artha.
Il-Polonja, fil-bidu tat-Tieni Gwerra, kienet spiċċat attakkata (u okkupata) mill-qawwiet tal-Ġermanja Nażista, b’miljuni ta’ ċittadini Pollakki jitilfu ħajjithom, fosthom tliet miljun Lhud Pollakki matul l-infami Olokawst.
B’kollox kienu nqerdu mas-sitt miljun Lhud taħt idejn in-Nażisti waqt l-eqqel tal-Olokawst.
//= $special ?>

