Lokali

AĠĠORNATA: Betsson tkeċċi 136 ħaddiem f’Malta biss, fosthom 48 Maltin

Dalgħodu 136 ħaddiem tal-kumpanija Betsson f’Malta kellhom bidu mill-għar ta’ ġimgħa ġdida hekk kif irċevew l-aħbar li tkeċċew mix-xogħol tagħhom. Fost dawn il-ħaddiema li spiċċaw bla xogħol hemm 48 Maltin.

Dan sar li wara l-kumpanija Betsson ħabret li se tkeċċi 160 ħaddiem mit-12-il uffiċċju tagħha bħala parti minn pjan ta’ ristrutturar. Madanakollu 136 ħaddiem minn dawn sa dalgħodu kienu jaħdmu f’Malta.

Net News jinsab infurmat li l-ħaddiema fl-uffiċċju ta’ Malta li ntlaqtu b’dawn is-sensji kienu nfurmati dalgħodu, b’diversi ħaddiema jinsabu ixxokjati minħabba li qalulna li ma kienux avzati b’dan il-pjan. Dalgħodu l-ħaddiema kellhom laqgħa fid-9a.m. fejn kienu avżati li tkeċċew mix-xogħol u wara l-ħaddiema telqu lura d-dar. Ħaddiema qalulna li saħansitra saru jafu bit-tkeċċijiet mill-midja.

F’Malta Betsson hija l-ikbar kumpanija fis-settur tal-iGaming u timpjega aktar minn 1,000 persuna. Fil-fatt f’Marzu tas-sena l-oħra l-kumpanija ċċelebrat l-ingaġġ tal-1,000 ħaddiem fil-kumpanija, u f’Ġunju wara r-rebħa tal-Partit Laburista, Joseph Muscat għamel l-ewwel żjara fl-uffiċini ta’ Betsson biex jaċċerta l-poplu Malti u l-ħaddiema li Betsson mhux se tnaqqas il-ħaddiema, dan wara li kienet saret kritika qawwija lil Gvern ta’ Muscat li l-iskandlu tal-Panama Papers kien se jaffettwa ħażin is-settur finanzjarju u allura l-iGaming.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Betsson, Pontus Lindwall qal li b’koperazzjoni mat-tim li jieħu ħsieb l-operazzjoni tal-kumpanija, nbeda proċess biex jiġi implimentati diversi azzjonijiet biex jittejjeb l-operat tal-kumpanija.

Il-Kumpanija qed tipjana li b’dawn il-miżuri se tigwadanja bejn 50 u 60 miljun Kron Żvediż fis-sena.

Il-Kumpanija Betsson kienet bdiet topera f’Malta mill-2005.

Betsson Group jiċċelebra l-1000 impjegat f’Malta; il-kumpanija bdiet topera fl-2005