Internazzjonali

L-Iran: Tinħeles mara li nżammet talli neħħiet ix-xalla tar-ras

Rapporti mill-Iran qalu li nħelset il-mara li, is-sena l-oħra, spiċċat arrestata f’Tehran wara li neħħiet ix-xalla tar-ras bi sfida għall-awtoritajiet Iżlamiċi tal-pajjiż. L-arrest kien seħħ matul il-protesti kontra l-establishment Iżlamiku fl-Iran, li fihom kienu mietu talanqas 20 persuna.

Il-mara kienet għamlet żmien bil-wieqfa f’post prominenti ta’ Tehran waqt li żżomm ix-xalla fuq injama. Isem il-mara mhux magħruf iżda hi saret ‘il-wiċċ simboliku tad-dimostrazzjonijiet’ li saru f’Diċembru fl-Iran – b’diversi ritratti tagħha jiċċirkulaw fuq il-media soċjali.

L-Uffiċjali Iranjani, s’issa, ma ħarġu l-ebda kumment pubbliku dwar il-ħelsien tal-mara, li jaħsbu li hi omm ta’ 31 sena.

Fl-istess ħin, id-difensuri tad-drittijiet umani jittamaw li l-awtoritajiet Iżlamiċi tal-Iran, ‘il quddiem, ma jivvintawx xi każ legali kontra din il-mara talli hi eżerċitat dritt bażiku. Id-difensuri huma konvinti li l-mara ma għamlet xejn ħażin u li din ma ħaqqhiex li tispiċċa suġġetta għall-prosekuzzjoni.

It-tneħħija tax-xalla tar-ras min-nisa fl-Iran tmur kontra l-kunċett tar-rispett u qima għar-reliġjon li jinsistu dwaru l-konservattivi Iżlamiċi.