Internazzjonali

L-Istati Uniti akkużata b’li qed tipprova tinfluwenza l-elezzjoni fir-Russja

Rapport mistenni mill-Istati Uniti li kapaċi jissanzjona lis-sinjuruni li għandhom l-influwenza mal-Kremlin ta’ Moska ‘huwa, fil-fatt, attentat intiż biex jaffettwa l-elezzjoni ta’ Marzu għall-Presidenza tar-Russja’.

Dawn qaluh is-sorsi fir-Russja meta rapport mit-Teżor tal-Istati Uniti mistenni jiddettalja ‘kemm ċerti personalitajiet politiċi u sinjuruni ( Russi) huma qrib’ tal-President Russu Vladimir Putin li se jikkuntesta mill-ġdid l-elezzjoni inkwistjoni.

L-Uffiċjali Amerikani qegħdin jakkużaw lir-Russja dwar indħil fl-elezzjonijiet presidenzjali tal-2016 fl-Istati Uniti. Ir-Rappreżentanti tal-Kremlin, sadanittant, qegħdin jiċħdu għal dawn l-allegazzjonijiet.

Il-President Amerikan, Donald Trump, is-sena l-oħra, kien attwa sanzjonijiet ġodda fil-konfront tar-Russja iżda, fl-istess ħin, akkuża lill-Kungress ta’ Washington b’li ‘qabeż il-limitu minbarra li żammu (lil Trump) milli jnaqqas il-penali għar-Russja fil-futur’.

Donald Trump, Repubblikan, ċaħad kemm il-darba l-allegazzjonijiet li l-attivisti li mexxew il-kampanja elettorali tiegħu kienu ħadmu ‘id f’id mar-Russja’ biex jgħinuh jegħleb lill-isfidanta (tal-Partit Demokratiku) Hillary Clinton fl-elezzjoni Presidenzjali ta’ Novembru tal-2016.

L-allegazzjonijiet min-naħa tal-komunità Amerikana għas-servizzi sigrieti, fil-preżent, qed ikunu investigati mill-Kungress tal-Istati Uniti waqt li hemm involut ukoll investigatur speċjali.