Lokali

L-Oppożizzjoni tressaq protest ġudizzjarju biex l-isptarijiet jerġgħu lura għand il-poplu

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet protest ġudizzjarju quddiem il-Qorti fejn jingħad li l-kumpanija Vitals Global Healthcare kisret l-obbligi li kellha fil-kuntratt tat-trasferiment tal-isptarijiet lokali.

Il-protest pudizzjarju tressaq mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia f’isem il-membri kollha tal-Oppożizzjoni u qed isir fil-konfront tal-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Avukat Ġenerali, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Industrial Parks Limited kif ukoll Vitals Global Healthcare.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha kien akkumpanjat mill-avukati Edward DeBono u Jason Azzopardi, li ffirmaw il-protest ġudizzjarju, u s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, Adrian Delia fakkar li l-kuntratt jorbot lil Vitals li jipprovdu numru ta’ servizzi fi żmien tliet snin mindu ngħatat il-konċessjoni, xi ħaġa li ma saritx u għalhekk il-Gvern għandu dritt jieħu lura l-isptarijiet u jgħaddihom lura lill-pubbliku.

Fost l-obbligi tal-kumpanija, kien hemm it-tlestija tal-Kulleġġ Barts, żieda ta’ ħamsin sodda fl-Isptar Karen Grech u San Luqa, tmenin sodda ta’ riabilitazzjoni fl-Isptar San Luqa, ir-rinovazzjoni tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex u t-tlestija ta’ binja ġdida fl-istess sptar, kif ukoll it-tlestija tas-sodod għat-turiżmu mediku fl-Isptar San Luqa.

Hu biss tliet snin minn meta dawn il-miri jintlaħqu, li Vitals setgħet tittrasferixxi l-isptarijiet lil kumpanija oħra.

B’dan il-protest ġudizzjarju, jekk l-awtoritajiet imsemmija ma jaġixxux biex it-trasferiment tal-isptarijiet iseħħ huma qed jinżammu responsabbli għad-danni li l-poplu Malti u Għawdxi jista’ jsofri minħabba n-nuqqasijiet tagħhom.

Dwar it-trasferiment tal-isptarijiet lokali lill-privat diġa hemm investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali, li qed jinvestiga kemm it-trasferiment mingħand il-Gvern għand Vitals, u issa t-trasferiment mingħand Vitals lil Steward Healthcare.