Lokali Parlament

Lejn demokrazija aktar b’saħħitha

– Hermann Scihavone, PN

Id-deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone appella biex l-emendi kostituzzjonali li jdaħħlu l-vot għaż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jkunu introdotti b’mod ħolistiku biex isaħħu d-demokrazija.

Fil-parlament Hermann Schiavone tkellem dwar l-isfond storiku uqal li dan hu mument storiku għall-parlament Malti wara li 100 sena ilu kienu vvutaw 7012-il persuna biss fl-Assemblea Leġiżlattiva. Fl-1921 saret kostituzzjoni ġdida fejn ivvutaw l-irġiel kollha u fl-1947 ivvutaw in-nisa kollha biex aktar tard tnaqqset l-età tal-votanti minn 21 għal 18-il sena. Illum qed isir il-pass li jmiss; li ż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jingħataw id-dritt tal-vot. Meta fl-2015 ingħata l-vot 16 fil-kunsilli lokali, kien diġà sar appell biex il-vot ikun estiż għall-elezzjonijiet ġenerali.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-Iskozja u qal li hemm interess qawwi fost iż-żgħażagħ Skoċċiżi biex jivvutaw. Hu tajjeb li jikber l-interss fil-politika minn età żgħira u li jkun hemm iktar parteċipazzjoni miż-żgħażagħ. Din hi ġenerazzjoni fejn il-politika fejn tkun mitkellma u diskussa fuq il-media soċjali.

Hermann Schiavone qal li fl-Ingilterra l-istħarriġ juri li-maġġoranza ma taqbilx li jingħataw il-vot ta’ 16-il sena; anki ż-żgħżagħ stess jaqblu li l-vot jingħata ta’ 18-il sena. Hu staqsa jekk din l-emenda kellhix tgħaddi b’referendum, jekk iż-żgħażagħ humiex maturi u informati biżżejjed. L-edukazzjoni hi s-soluzzjoni u t-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet għaliex ma jistax ikun li l-politika tibqa’ kkunsidrata bħala xi ħaġa tossika.

Fl-univeristà għad m’hemmx kors fil-politika, sostna Hermann Schiavone, li nsista li l-emenda għall-vot ta’ 16-il sena m’hix biżżejjed għaliex il-politika għandha tasal iktar għand iż-żgħażagħ. Hu qal li kien jippreferi li l-emenda issir f’ambjent ħolistiku u appella biex tibqa’ ssir diskussjoni dwar is-sistema politika sħiħa u l-konvenzjoni nazzjonali biex jissaħħu l-istituzzjonijiet.