Lokali

Silvio Valletta għandu jirtira mill-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili fi stqarrija esprima pubblikament l-appoġġ tiegħu lill-familja Caruana Galizia fit-talba tagħha għat-tneħħija tad-Deputat Kummissarju Silvio Valletta mill-investigazzjoni tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

In-Netwerk jemmen li peress li Silvio Valletta hu r-raġel ta’ ministru tal-gvern Malti u għalhekk f’għajnejn il-liġi huwa persuna politikament esposta, l-involviment tiegħu fl-investigazzjoni ta’ omiċidju ta’ din in-natura qiegħed iċaħħad lill-poplu Malti miċ-ċertezza li l-investigazzjonijiet tal-pulizija fir-rigward tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jseħħu bl-oġġettività u l-imparzjalità meħtieġa f’dawn iċ-ċirkostanzi u fuq kollox li kull teżi tigi investigata bla ebda riżerva.

In-Netwerk jinsab ċert li l-korp tal-pulizija ma jiddependix fuq uffiċjal għoli wieħed biex jagħmel l-investigazzjoni ta’ omiċidji u allura f’każ ta’ kunflitt ta’ interess għandhom ikunu involuti fl-investigazzjonijiet dawk l-uffiċjali li ma jkollhom ebda kunflitt ta’ interess biss.

In-Network jemmen li d-Deputat Kummissarju Valletta nnifsu għandu jsib il-kuraġġ u d-diċenza li jirtira mill-każ sabiex il-poplu Malti kollu u fuq kollox il-familja tal-vittma jkollhom fiduċja f’dawk li bil-liġi huma mgħobbija bir-responsabbilità li jiddefendu l-istat tad-dritt.