Lokali

FILMAT: Azzjonijiet industrijali mill-MAM: “Il-Gvern għandu jieħu lura l-isptarijiet fl-interess nazzjonali”

Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) approva unanimament li javża formalment lill-Gvern b’tilwima industrijali dwar il-permess tal-Gvern biex l-isptarijiet pubbliċi jkunu trasferiti minn Vitals Global Healthcare għal għand Steward Health care mingħajr ebda konsultazzjoni. Fost il-punti maqbula waqt il-laqgħa tal-Kunsill li saret ilbieraħ filgħaxija, hemm azzjonijiet industrijali mas-settur kollu tas-saħħa minn nhar it-Tnejn li ġej.

Fi stqarrija il-MAM qalet li dan qed isir bi ksur tal-ftehim kollettiv li jgħid li l-Gvern għandu jagħti avviż ta’ mill-inqas sitt ġimgħat kull meta jkun bi ħsiebu li jqabbad operaturi privati biex imexxu servizzi mediċi professjonali li huma mingħajr ħlas taħt is-saħħa pubblika.

Il-MAM appellat mill-ġdid lill-Gvern biex jirtira l-kunsens tiegħu għat-trasferiment tal-isptarijiet u jieħu lura l-propjetajiet pubbliċi fl-interess nazzjonali.

L-Assoċjazzjoni talbet ukoll li fl-interess tas-saltna tad-dritt, l-Avukat Ġenerali għandu jinvestiga dan il-kuntratt immedjatament kif ukoll biex l-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji tistħarreġ l-accounts ta’ Vitals sabiex tistabilixxi x’sar mis-€60 miljun li ħadet sa issa u tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex dawn il-fondi pubbliċi jkunu rkuprati.

Il-Kunsill awtorizza wkoll lill-MAM biex tagħmel alleanzi u possibilment tagħmel azzjonijiet industrijali konġunti ma’ unions oħra fil-qasam tas-saħħa, kif ukoll biex jieħu l-passi legali kollha meħtieġa kemm fil-Qrati nazzjonali kif ukoll fi Qrati Ewropej.

Il-Kunsill tal-MAM mistenni jlaqqa’ s-sezzjonijiet kollha fil-jiem li ġejjin sabiex jispjega d-direttivi lill-membri.