F’Novembru li ġej, MONEYVAL, fergħa permanenti tal-Kunsill tal-Ewropa li tinvestiga l-ħasil tal-flus, se tkun qed tibgħat tim f’Malta biex jagħmel l-investigazzjonijiet tagħha. Dan it-tim se jkun qed jeżamina l-konformità ta’ Malta mal-istandards internazzjonali fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, kif ukoll kemm dawn l-istandards qed ikunu effittivi meta jkunu implimentati.
Fi stqarrija, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa, żvela li bagħat ittra lil MONEYVAL li fiha ġab għall-attenzjoni numru ta’ fatti dwar Malta, b’mod partikolari għal kif l-aġenzija li tinvestiga l-ħasil tal-flus – l-FIAU – spiċċat maħtufa politikament, l-għoti tal-liċenzja lill-Bank Pilatus, kif ukoll kif dan il-bank qed jitħalla jopera b’liċenzja. David Casa għamel referenza għal ittra li l-FIAU bagħtet lill-Bank Pilatus, immedjatament wara r-riżenja ta’ Manfred Galdes minn Direttur tal-istess aġenzija.
David Casa qal: “Immedjatament wara r-riżenja ta’ Manfred Galdes mill-FIAU, l-aġenżija bagħtet tim biex jagħmel it-tieni żjara fl-uffiċini tal-bank. Wara din iż-żjara, l-Aġent Direttur ta’ dak iż-żmien – kważi b’mod mirakoluż – ikkonkluda li l-kwistjonijiet li kien hemm mal-Bank issa setgħu jingħalqu minħabba d-dokumenti nieqsa li issa kienu ngħataw.” Hu qal li hi farsa li ksur qawwi u deliberat tal-liġijiet kontra l-ħasil ta’ flus inbidel f’daqqa minn Mejju għal Awwissu.
Segwi kif seħħew l-affarijiet hawn taħt:
– Qabel l-21 ta’ Lulju 2016: Manfred Galdes irriżenja minn Direttur tal-FIAU
– Fil-21 ta’ Lulju 2016: il-Bank Pilatus kien infurmat bit-tieni żjara tal-FIAU
– Fit-2 ta’ Awwissu 2016: il-media indipendenti żvelat li Manfred Galdes kien irriżenja b’mod immedjat qabel il-21 ta’ Lulju 2016
– Bejn it-8 u l-10 ta’ Awwissu 2016: l-FIAU jagħmel it-tieni żjara għand il-Bank Pilatus
– Fis-26 ta’ Settembru 2016: tinħareġ ittra ffirmata mill-Aġent Direttur li tillbiera lill-Bank Pilatus
David Casa qal li hu ċar li dan kien biss eżerċizzju biex jingħatta l-ħmieġ ta’ qabel.
Barra minn dan, David Casa ġibed l-attenzjoni tat-tim ta’ MONEYVAL għar-rapporti tal-FIAU li jsejħu biex tittieħed azzjoni kontra ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, u kif ukoll infurmah bir-rapport konklussiv tal-FIAU li jsejjaħ għal azzjoni mill-pulizija kontra l-Ministru Konrad Mizzi, liema rapport ilu moħbi mill-FIAU minn Marzu 2017.
David Casa qal: “L-FIAU spiċċat maħtufa. Aktar moħħha biex toħroġ stqarrijiet fi tmiem il-ġimgħa u taħbi l-informazzjoni li tinkrimina lill-politiċi, aktar milli biex tinvestiga l-ħasil tal-flus.” L-MEP tal-Partit Nazzjonalista qal lis-Segretarju Eżekuttiv tal-MONEYVAL Matthias Kloth biex jgħaddi din l-informazzjoni lit-tim li se jkun qed jiġi Malta. B’mod partikolari, David Casa talab lil dan it-tim tal-Kunsill tal-Ewropa biex joqgħod attent għal dawn l-affarijiet:
– il-mod kif ingħatat il-liċenzja lill-Bank Pilatus,
– iċ-ċirkustanzi li wasslu biex il-Bank Pilatus jitħalla għaddej bil-liċenzja,
– l-awtonomija u l-indipendenza tal-FIAU,
– u l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.