Il-gazzetta The Times illum iddedikat l-editorjal tagħha għall-ħidma li qed iwettaq il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa. Fil-fatt, filwaqt li fit-titlu tgħid li Casa hu MEP li jitkellem għal kulħadd, l-ewwel sentenza tal-editorjal tispjega kif il-Partit Laburista għandu problema b’David Casa, u b’oħrajn li jqumu għall-okkażjoni, bl-Ingliż “stand up to be counted”.
L-editorjal ifakkar li David Casa għex taħt Gvern Laburista fit-tmeninijiet, u għalhekk jaf kontra min qed jiġġieled. U li hu jemmen li hemm problemi kbar fl-ogħla livelli tal-Gvern.
It-Times tagħmel referenza għar-rapport konklussiv tal-FIAU li David Casa qal li għandu: 128 paġna li tant hu gravi li għandhom iwasslu biex jitkeċċew kemm iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kif ukoll il-Ministru Konrad Mizzi. David Casa qal li għadha qed issir analiżi tar-rapport u li mistenni jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin. U li qed jevalwa wkoll il-possibilità li jgħaddi dan ir-rapport lill-Qorti biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali.
L-editorjal jgħid li r-reazzjoni tal-FIAU għal dan kollu hi waħda xokkanti u li l-uniku ħaġa li setgħet tgħid kienet li r-rapport mhux finalizzat. Skont David Casa, l-FIAU spiċċat għodda f’idejn il-Gvern, bl-editorjal jaqbel ma’ din l-analiżi, u jiddeskrivi l-FIAU bħala s-simbolu tal-falliment tal-Gvern fl-istituzzjonijiet.
L-editur ta’ The Times ikompli jirreferi għal dak li qalet l-FIAU: jiġifieri li min jippubblika informazzjoni sensittiva jkun qed jikser il-liġi. Madanakollu, l-editorjal jispjega li min ma jieħux passi, jew min ma jiffinalizzax rapport, ukoll ikun qed jagħmel ħsara lill-pajjiż.
Hu f’dan id-dawl li l-MEP Casa, kif ġralhom oħrajn qablu, spiċċaw jiġu akkużati li qed jagħmlu ħsara l-pajjiż. Li fi kliem il-Partit Laburista, tfisser qed jagħmlu ħsara lill-Partit tagħhom jew dawk li qed igawdu mill-Partit fil-Gvern.
Hawnhekk, l-editorjal għamel referenza għal dak li qal Jeffrey Pullicino Orlando, li akkuża lil Casa bħala ‘biċċa ġurnalist’, u li qed jiddistabbilizza l-Gvern li ġie elett b’mod demokratiku. It-Times tistaqsi: Pullicino Orlando jirrealizza li elezzjoni demokratika ma tbiddilx dak li hu ħażin f’tajjeb? Pajjiż demokratiku ma jheddidx whistleblowers b’azzjoni kriminali. Pajjiż demokratiku jieħu l-passi meta jkun hemm bżonn. Pajjiż demokratiku jkun kburi li l-istituzzjonijiet jaħdmu sew. Pajjiż demokratiku jassigura li ssir ġustizzja meta jkun hemm suspett dwar xi ħaġa ħażina, aktar u aktar jekk din tkun saret minn uffiċċjali għolja.
//= $special ?>