Lokali

Għada l-aħħar ċans biex issarraf il-karti tal-flus Maltin

Il-karti huma tal-Ħames Serje

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta avża lill-pubbliku li min għad għandu flus Maltin għad għandu ċ-ċans isarrafhom sa għada. Il-flus li qed jirreferi għalihom il-Bank Ċentrali ta’ Malta huma dawk tal-ħames serje.

Dawn jikkonsistu f’erba’ denominazzjonijiet: Lm2, Lm5, Lm10 u Lm20. Dawn il-karti tal-flus ħarġu l-ewwel darba fiċ-ċirkolazzjoni fit-18 ta’ Settembru 1989. Il-Karta taż-żewġ liri hi ta’ lewn aħmar, tal-ħames liri ta’ lewn ikħal, tal-għaxar liri, aħdar u tal-għoxrin lira, kannella. Dawn kollha għandhom in-naħa ta’ quddiem komuni fejn tidher xbieha ta’ mara, li tissimbolizza lil Malta, bi tmun f’idejha.

Dawn il-karti tal flus jistgħu jissarrfu biss mill-Bank Ċentrali ta’ Malta san-12:30 ta’ għada. Wara din id-data, dawn il-karti tal-flus ma jkollhomx valur.

Jirriżulta li b’kollox għad baqa’ €36.8 miljun f’karti ta’ flus Maltin.