Il-Gvern Irlandiż qabel li jorganizza referendum dwar jekk jirriformax il-projbizzjoni kważi totali għall-abort, f’Mejju li ġej.
Il-vot jiddeċiedi jekk il-pajjiż jirtirax emenda kostituzzjonali li, effettivament, tipprojbixxi terminazzjoni tat-tqala. Fil-preżent, il-liġi dwar l-abort fl-Irlanda tippermetti biss li jsir proċess (tal-abort) ladarba l-mara involuta tkun qed tissogra ħajjitha.
Madankollu, l-abort mhux permess f’każi ta’ stupru jew f’ċirkustanzi fejn fetu jkun qed juri sinjali ta’ abonormalità.
Il-Prim Ministru tal-Irlanda, Leo Varadkar, qal li se jappoġġa l-kampanja favur riformi għal-liġi tal-abort bil-għan li l-liġijiet partikulari, fl-Irlanda, ikunu liberalizzati.
Id-dokument tal-vot f’dan ir-referendum mhux se jirrigwarda termini speċifiċi ta’ kwalunkwe liġi ġdida u jibbaża fuq il-mistoqsija jekk il-votant għandux iżomm inkella jwarrab artiklu 40.3.3 tal-Kostituzzjoni magħrufa bħala t-Tmien Emenda.
L-emenda speċifika, li kienet approvata f’referendum li kien sar fl-1983, tirrikonoxxi d-dritt tal-ħajja tat-tarbija li tkun għadha ma twelditx fuq l-istess bażi tad-dritt tal-omm — li jfisser li l-abort huwa projbit anki f’każi fejn it-tqala tirriżulta minn stupru, jew sitwazzjonijiet meqjusa bħala ‘barra min-normal’.
Qabel ir-referendum ( li d-data tiegħu ma kenitx speċifikata), il-Ministru tas-Saħħa Irlandiż għandu jgħaddi abbozz ta’ leġislazzjoni li jipproponi biex aċċess ‘bla xkiel’ għall-proċessi tal-abort ikunu permissibbli għan-nisa li ma jkunux qabżu t-tnax il-ġimgħa tat-tqala, kif ukoll għal waqt ‘ċirkustanzi eċċezzjonali’ wara t-tqala.
Min-naħa tiegħu, Leo Varadkar qal li din se tkun għażla diffiċli ħafna għall-Irlandiżi, meta l-kwistjoni tal-abort hi xi ħaġa privata u ferm personali.
Fl-istess ħin, il-Prim Ministru Irlandiż tenna li l-liġi attwali fl-Irlanda tfisser li l-proċessi tal-abort f’pajjiżu ‘huma illegali u neqsin mis-sigurtà minbarra li mhumiex irregolati’.
//= $special ?>

