Dokument tal-Gvern li l-kontenut tiegħu ħareġ fil-pubbliku jissuġġerixxi li l-ekonomija tar-Renju Unit għandha tikber b’ritmu anqas barra l-Unjoni Ewropea — b’dan qed ikun mistenni irrispettivament mill-ftehim futur li jintlaħaq bejn Londra u Brussell.
Rapporti mill-BuzzFeed News qalu li l-analiżi minn Whitehall sabet li l-iżvilupp tar-Renju Unit għall-ħmistax il-sena li jmiss jista’ jonqos ‘b’sa tmienja fil-mija’ milli kieku l-pajjiż kellu jibqa’ fl-Unjoni.
Qed jingħad li d-dokument klassifikat qed jistudja l-impatt potenzjali ta’ sitwazzjonijiet differenti. Intant, sorsi qrib il-Gvern Britanniku qalu li r-Renju Unit ‘mhux se jkun agħar milli hu llum’ ladarba joħroġ mill-Unjoni.
Madankollu, il-leak tal-informazzjoni jissuġġerixxi li, bl-effetti tal-Brexit, għandha tbati ‘kull parti tal-ekonomija’. Id-dokument jismu EU Exit Analysis – Cross Whitehall Briefing u tfassal għad-Dipartiment inkarigat mill-Ħruġ tal-Pajjiż mill-Unjoni Ewropea.
Id-dokument mistenni jżid l-element tad-dibattitu dwar il-Brexit fil-Kabinett meta ‘l-anqas għażla li taffettwa ħażin’ tidher li tkun politika li żżomm il-pajjiż qrib tal-UE.
Dan fost suġġerimenti li l-iżvilupp ekonomiku tal-Britanniċi, fis-snin li jmiss, għandu jieħu daqqa akbar ’l isfel milli qed jindika l-aħħar tbassir u f’każ li r-Renju Unit iħalli l-Unjoni mingħajr ftehim u jmur lura għar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinija tal-Kummerċ.
//= $special ?>

