Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ċanfret lil-Litwanja talli dan il-pajjiż kien iċċensura stampi ta’ Ġesù u l-Madonna lebsin ħwejjeġ tal-moda.
Il-każ imur lura għall-2012, meta kumpanija tal-ħwejjeġ bl-isem ‘Sekmadienis Ltd’ kienet għamlet kampanja ta’ reklamar għall-ħwejjeġ tagħha. F’din il-kampanja, il-kumpanija użat stampi ta’ żewġ persuni jixbħu ħafna lill-Madonna u lil Ġesù lebsin ħwejjeġ tal-moda u b’diversi slogans marbuta, fosthom: “Jesus, what trousers!”, “Dear Mary, what a dress!” u “Jesus and Mary, what are you wearing!”
Sena wara, fl-2013, il-kumpanija kienet ġiet immultata mill-awtoritajiet tal-Litwanja. Ir-raġuni li kienet ingħatat kienet li dawn l-istampi kienu jmorru kontra l-morali pubbliċi tal-pajjiż.
Din id-deċijoni kienet wasslet biex il-kumpanija ressqet ilment quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ibbażata fi Strasburgu, li f’sentenza riċenti ddikkjarat li ċ-ċensura ta’ dawn l-istampi wassal għal ksur tal-libertà tal-espressjoni. Skont din il-Qorti Ewropea, ir-reklami ma kienux offensivi u l-anqas ma kienu inċitaw xi mibiegħda u għaldaqstant il-pajjiż ma kellux jiċċensurahom.
Dan il-każ ifakkar lil ħafna dwar każ simili li seħħ f’Malta, meta f’Lulju li għadda twaħħal poster kbir mis-sidien tal-ħanut New York Best b’stampa ta’ Ġesù fl-aħħar ċena jiekol il-burgers. Il-poster kien tneħħa wara kontroversja li kienet qamet dwaru. Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kellhom raġun dawk li riedu li l-poster jitneħħa?
//= $special ?>