Lokali

Jitwaqqaf it-twaqqiegħ ta’ bini storiku f’Ħal Qormi

L-Awtorita’ tal-Ippjanar waqqfet it-twaqqiegħ ta’ razzett f’Ħal Qormi li jmur lura għal żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Dan wara li nstab li x-xogħolijiet mhux qed isiru skont il-permess.

Ir-razzett, li kien jinsab qrib il-Kwartieri tal-Maltapost, kellu l-arma ta’ Gran Mastru tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Madanakollu, il-bini kien sofra ħsarat estensivi u nbena mill-ġdid wara t-Tieni Gwerra Dinjija u kien fi stat ta’ telqa.

Kelliem għall-Awtorita’ tal-Ippjanar qal li l-Awtorita’ kienet ħarġet permess biex ir-razzett jiġi żarmat u rilokat f’post ieħor. Skont il-permess, il-ġebel kollu kellu jiġi numerat u jittieħdu diversi ritratti qabel il-binja tiġi żarmata.

Iżda x-xogħolijiet twaqqfu wara li sar magħruf li l-iżviluppatur m’għandux dak li jissejjaħ method statement u mhux se jitkomplew sakemm ikun hemm id-dokumentazzjoni meħtieġa/

Ix-xogħol hu parti minn proġett li se jinkludi l-allinjament tat-triq prinċipali kif ukoll il-bini ta’ kumpless kummerċjali, uffiċċji u parkeġġ.

Minbarra l-valur storiku tal-binja innifisha, għaqdiet ambjentali oġġezzjonaw għall-proġett minħabba fdalijiet arkeoloġiċi fosthom cart ruts u fdalijiet Rumani.

Is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali ordnat biex ikunu priservati il-fdalijiet infushom u tat il-permess biex isir it-tħaffir u l-bini.