Internazzjonali Lokali

L-Arċisqof Charles Scicluna magħżul mill-Papa Franġisku għal missjoni fiċ-Ċile kontra l-pedofelija

Il-Papa Franġisku għażel lill-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna bħala l-mibgħut speċjali tiegħu fiċ-Ċile f’missjoni kontra l-pedofelija.

Fi stqarrija għall-istampa ppubblikata fil-Bulettin tal-Vatikan (ara r-ritratt t’isfel), intqal li l-Arċisqof Charles Scicluna qed jintbgħat fil-belt ta’ Santiago fiċ-Ċile biex jisma’ lil dawk li jixtiequ jitkellmu f’każ riċenti ta’ Isqof li prova jgħatti lil qassis akkużat b’abbuż tat-tfal.

Il-qasis akkużat b’pedofelija huwa Fernando Karadima waqt li l-Isqof akkużat li prova jaħbilu huwa l-Isqof Juan de la Cruz Barros. L-istqarrija tal-Vatikan tgħid li l-Arċisqof Scicluna qed jintbgħat fuq din il-missjoni wara li tfaċċat informazzjoni ġdida dwar l-Isqof Barros, u kif dan prova jgħatti lil min wettaq pedofelija.

Il-każ kien kontroversjali waqt żjara li l-Papa Franġisku riċentament kellu fiċ-Ċile. Id-deċiżjoni tal-Papa li jibgħatu fiċ-Ċile biex jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet kontra l-Isqof Borros hija waħda li ssorprendiet lil ħafna, speċjalment wara li fil-ġimgħat li għaddew, il-Papa Franġisku qal li jemmen li dan l-Isqof huwa innoċenti.

Sadanittant, diversi siti internazzjonali tal-aħbarijiet faħħru d-deċiżjoni tal-Papa Franġisku li jibgħat lill-Arċisqof Charles Scicluna għal din il-missjoni, b’uħud jirrappurtaw dwar ir-reputazzjoni formidabbli li kiseb Charles Scicluna fi ħdan l-istrutturi tal-Vatikan.