Internazzjonali

L-Istati Uniti: Iċ-Ċina meqjusa bħala ‘theddida daqs ir-Russja’

Id-Direttur tas-CIA, Mike Pompeo, qal li l-isforzi taċ-Ċina biex teżerċità b’mod sigriet l-influwenza tagħha fuq il-Punent ‘għandhom iħassbu lill-Amerikani daqskemm għandhom iħassbuhom l-isforzi tar-Russi biex idgħajjfu lill-awtorità tal-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Istati Uniti’.

Pompeo qal ukoll li ċ-Ċiniżi għandhom ‘bażi akbar minfejn imexxu din il-missjoni’ milli għandhom ir-Russi u, bħala eżempju, semma l-isforzi ( taċ-Ċina) biex tisraq informazzjoni kummerċjali mill-Istati Uniti, flimkien mal-infiltrazzjoni ta’ skejjel u sptarijiet.

Id-Direttur tas-CIA, li hu eksmembru tal-Kungress Amerikan, kompla li din l-allegata theddida qed testendi wkoll għall-Ewropa u sostna, waqt intervista lill-BBC, li l-pajjiżi għandhom jagħmlu aktar, fuq bażi kollettiva, ħalli jirreżistu l-isforzi taċ-Ċiniżi biex ‘iżidu l-poter u l-influwenza fuq il-Punent’.

Mike Pompeo kompla li ‘wieħed jista’ jara impenji ferm ikkonċentrati ( miċ-Ċiniżi) biex tinsteraq l-informazzjoni tal-Amerikani, kif ukoll għall-infiltrazzjoni tal-ispjuni fl-Istati Uniti’.

Skont Pompeo, l-Amerikani qed jiffaċċjaw sitwazzjoni fejn ‘in-nies qegħdin jaħdmu għall-interessi tal-Gvern Ċiniż u kontra l-Istati Uniti’. Hu kompla li ‘dan qed jidher fl-iskejjel u f’setturi tas-sistemi mediċi li jeżistu fl-Amerika korporattiva u bnadi oħra tad-dinja, li jinkludu l-Ewropa u r-Renju Unit’.

L-indħil tar-Russja fil-politika tal-Istati Uniti ilu suġġett għal dibattitu politiku fl-Istati Uniti fost allegazzjonijiet dwar il-hacking u ‘ħruġ ta’ informazzjoni’, minbarra impenji li jibbażaw fuq il-media soċjali bil-għan li jiżirgħu d-diżgwid.

Sadanittant, xi osservaturi huma ‘sorpriż’ bil-kummenti ta’ Pompeo fis-sens li ċ-Ċina għandha l-kapaċitajiet aktar mifruxa biex teżerċita l-influwenza fuq l-Istati Uniti u l-Ewropa. Dan meta d-Direttur tas-CIA wissa dwar ‘il-kapaċitajiet’ ta’ Beijing li jvarjaw mill-mezzi tal-ispjunaġġ tradizzjonali ( mill-bnedmin u bis-sistemi ċibernetiċi) sal-allegat serq ta’ proprjetà intellettwali għall-użu tan-negozji Ċiniżi.