Internazzjonali

L-Istati Uniti tippubblika lista ta’ Russi mingħajr ma tħabbar sanzjonijiet

L-Istati Uniti pubblikat lista ta’ 114 il-politiku u 96 mega-sinjurun tar-Russja – uħud minnhom qrib ħafna tal-President Russu Vladimir Putin – bħala parti minn liġi tas-sanzjonijiet intiża biex timponi l-penali għar-Russja dwar allegat indħil fl-elezzjoni tal-2016 għall-Presidenza Amerikana.

Intant, l-Istati Uniti insistiet li l-persuni mniżżlin fuq il-lista mhumiex qed ikunu suġġetti għas-sanzjonijiet ġodda, avolja wħud jinsabu ‘fil-mira’ ta’ Washington.

Il-Kungress Amerikan kien għadda l-liġi tas-sanzjonijiet f’Awwissu, u l-President Amerikan, Donald Trump iffirmah waqt li għamel ċar ir-riservi tiegħu dwar dan.

L-għan ta’ Washington hu li jsemmi lir-Russi li benefikaw minn assoċjazzjoni mill-qrib mal-President Putin u jwissihom li huma jistgħu jkunu suġġetti għal sanzjonijiet ‘jew aktar sanzjonijiet’ fil-futur.

Sadanittant, Putin qal li l-lista ġdida tal-Istati Uniti, effettivament, ‘qed tolqot lir-Russi kollha’ u li l-azzjoni għandha tikkomplika l-affarijiet ma’ Washington. Intant, Putin qal ukoll li ma riedx ‘ikabbar din id-sitwazzjoni’.