“Malta rnexxielha toħloq l-ewwel refuġjata politika tagħha”, kienet din id-dikjarazzjoni li għamel it-tifel tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li nqatlet fis-16 ta’ Ottubru li għadda fi splużjoni fil-Bidnija meta kien qed jitkellem waqt diskussjoni organizzata fil-Parlament Ewropew dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti fl-unur tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Waqt id-diskussjoni ntwera wkoll id-dokumentarju tal-BBC mill-ġurnalist veteran John Sweeney dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.
Wara li ntwera l-filmat, Andrew Caruana Galizia stqarr li ntgħażel dan il-filamt għaliex xi kultant huwa aktar effettiv li jħallu lill-Gvern jitkellem waħdu. Huwa qal li l-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat tkellem dwar il-whistleblower tal-Bank Pilatus. Żied jgħid li din kellha taħrab minn Malta u saħansitra applikat għall-ażil f’pajjiż ieħor.
Kien hawn li Andrew Caruana Galizia qal li Malta rnexxielha toħloq l-ewwel refuġjata politika tagħha u rringrazzja lill-Parlament Ewropew li fakkru x-xogħol li għamlet ommu permezz ta’ din id-diskussjoni.
Waqt l-attività tkellmu fost l-oħrajn l-President tal-GUE/NGL Gabi Zimmer u l-Fundatur ta’ WikiLeaks Julian Assange.
Kelliema għar-Reporters without Borders, Julie Majerczak, dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, hi qalet li jekk il-każ ma jwassalx għal prosekuzzjoni, ikun bħal qisu li Caruana Galizia tkun inqatlet darbtejn. Tkellmet dwar kif ir-Reporters without Borders hija nkwetata ħafna minħabba li l-investigazzjoni fil-qtil tal-ġurnalista Maltija ma tantx provdiet riżultati s’issa.
Id-diskussjoni ġiet organizzata mill-Partit tax-Xellug fi ħdan il-Parlament Ewropew (GUE/NGL).