“Jekk aħna ‘stakeholders’, aħna ‘stakeholders’ dejjem. Mhux sew li l-akbar union fil-qasam tas-Saħħa tiġi trattata b’dan il-mod”.
Hekk iddikjara s-Segretarju Ġenerali tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) Colin Galea meta mistoqsi minn NET News dwar jekk il-Gvern hux qed jimxi sew li qed iżommhom fl-għama fil-bejgħ ta’ tliet Sptarijiet lokali minn Vitals għal Steward Healthcare.
Wara l-pożizzjoni mħabbra mill-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), b’azzjonijiet industrijali mas-settur kollu tas-Saħħa mit-Tnejn li ġej, Colin Galea spjega li sa dalgħodu kien għad ma sar l-ebda kuntatt magħhom dwar dan. Dan meta d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-MAM ittieħdet ilbieraħ filgħaxija.
Is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN spjega li l-Union għadha trid tiltaqa’ mat-tmexxija ta’ Steward Healthcare aktar tard din il-ġimgħa qabel ma jkun deċiż x’pożizzjoni se tkun qed tieħu.
Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qalet li laħqet ftehim mal-Management tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex dwar l-implimentazzjoni ta’ roster ġdida fuq numru ta’ swali b’mod gradwali.
Madankollu, l-Union ġiet infurmata li l-implimentazzjoni ta’ dan it-tibdil twaqqaf temporanjament. Għall-MUMN dan mhux aċċettabbli għax hekk kif l-Union tara kif tonora ftehim li jkun sar, tippretendi li l-Managements relatati għandhom jagħmlu l-istess.
L-MUMN qalet li dan hu preċedent ikrah u li jista’ jħalli marka sewda fuq ir-relazzjoni bejn il-Union u l-Management tal-Isptar. Dan minħabba li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hu taħt ir-responsabbiltà ta’ Vitals Global Healthcare u għalhekk, ma kellu jkun hemm l-ebda indħil mill-Ministeru tas-Saħħa.
//= $special ?>