Lokali Parlament

Muscat isib ruħu mhux preparat għall-mistoqsijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia

Il-Ministru Edward Scicluna jkollu jintervjeni hu flok il-Prim Ministru

Illejla, il-Prim Ministru Joseph Muscat, għat-tieni jum konsekuttiv, sab ruħu mhux preparat meta kien mistoqsi sensiela ta’ mistoqsijiet fil-Parlament dwar numru ta’ suġġetti, fosthom l-FIAU u kif din għandha tissaħħaħ fid-dawl tad-diversi rapporti ta’ korruzzjoni li dwarhom baqgħu ma ttieħdux passi.

Il-mistoqsijiet, saru mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fil-ħin tal-mistoqsijiet Parlamentari. Kontra kull prassi ta’ x’suppost jiġri f’dan il-ħin, il-Prim Ministru naqas milli jwieġeb għal diversi drabi kellu jdur fuq il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna għar-risposti.

Filfatt, għal darba, darbtejn, kien il-Ministru Edward Scicluna li kellu jwieġeb hu għall-mistoqsijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, u dan kontra l-prassi Parlamentari fejn il-mistoqsijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni jiġu mwieġba mill-Prim Ministru.

Din mhux l-ewwel darba li l-Prim Ministru sab ruħu mhux preparat, tant li lbieraħ ukoll kien kostrett jaħrab mill-mistoqsijiet meta kien mistoqsi mill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-bejgħ tal-isptarijiet. llbieraħ, wieħed mill-modi kif wera li mhux preparat kien billi qal li nesa l-file u li għaldaqstant ma setax iwieġeb.

FILMAT: Il-Prim Ministru jibqa’ jaħrab mistoqsijiet tal-Kap tal-PN dwar VITALS