Il-plejer ta’ Manchester City Leroy Sane se jdum barra mill-azzjoni għal bejn sitta u seba’ ġimgħat wara li weġġa’ l-ligament tal-għaksa fir-rebħa li kellhom kontra Cardiff fl-FA Cup il-Ħadd li għadda. Il-winger Ġermaniż li għandu 22 sena weġġa’ wara daħla ta’ Joe Bennett u kellu jinbidel fil-ħin tal-mistrieħ.
Matul dan l-istaġun, Sane skorja 11-il gowl u pproduċa 14-il assist għal City. Hu se jitlef il-finali tal-League Cup kontra Arsenal fil-25 ta’ Frar, u hu mistenni li jitlef iż-żewġ logħbiet tal-aħħar 16 taċ-Champions League kontra Basel.
Nuqqas ta’ tal-anqas sitt ġimgħat mistennija jwasslu biex Sane jitlef il-logħbiet tal-Premier League kontra West Bromwich Albion, Burnley, Leicester, Arsenal u Chelsea kif ukoll il-logħba tal-ħames rawnd tal-FA Cup kontra Wigan.
Il-manager ta’ Manchester City Pep Guardiola saħaq lir-referees biex jipproteġu l-plejers wara l-inċident, iżda l-manager ta’ Cardiff Neil Warnock qal li dawn id-daħliet huma mistennija fil-futbol Ingliż.
“Xi tridni ngħid? Fl-esperjenza tiegħi, il-futbol Ingliż mhux hekk. Hu aktar esperjenzat minni,” qal l-Ispanjol f’konferenza stampa qabel il-konfront kontra West Bromwich Albion.
//= $special ?>