Fil-jiem li għaddew il-Pulizija bdiet tinvestiga hi wkoll il-mewt tat-tifla Niġerjana li seħħet nhar il-Ħadd, 20 ta’ Jannar li għadda tard filgħaxija wara li kienet ilha għal perjodu relattivament twil marida mingħajr ma ngħatat l-ebda tip ta’ kura mill-awtoritajiet kompetenti.
It-tifla mietet fl-Isptar Mater Dei ftit tal-ħin biss wara li twasslet fit-Taqsima tal-Emerġenza permezz ta’ ambulanza u mill-awtopsja li saret l-għada fuq il-katavru tagħha rriżulta li hi kienet mietet kaġun ta’ marda rari fid-demm… tip ta’ kanċer fid-demm.
Il-Gvern żvela din l-aħbar biss nhar it-Tnejn tal-ġimgħa l-oħra tard filgħaxija meta fi stqarrija mimlija b’fatti skorretti ħabbar li tifla Niġerjana ta’ seba’ snin kienet instabet mejta f’residenza mmexxija mis-Sorijiet Dumnikani f’Ħaż-Żabbar.
Kien grazzi għal In-Nazzjon li l-għada t-Tlieta, jiġifieri ftit sigħat biss wara l-istqarrija qarrieqa tal-Gvern, li żvela l-fatti importanti, fis-sens li din it-tifla kienet tappartjeni għal familja Niġerjana ffurmata minn missier, omm u b’kollox tlett ulied u li s-Sorijiet Dumnikani ma kellhom x’jaqsmu xejn mat-tmexxija ta’ din il-familja għajr li kienu qed joffrulhom saqaf fuq rashom u kienet l-Aġenzija Appoġġ li kienet f’kuntatt – suppost kontinwu – ma’ din l-istess familja.
Eventwalment kien dan il-ġurnal ukoll li żvela sensiela ta’ fatti oħrajn importanti dwar dan il-każ, fosthom li mhux veru li t-tifla kienet instabet mejta fir-residenza, iżda din it-tifla fil-fatt mietet waqt li kienet qed tittieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza u kull sforz li sar biex tkun salvata l-ħajja tagħha kien irriżulta fin-negattiv.
Darba din l-istorja kibret u saħansitra minn inkjesta oriġinali issa qed isiru tnejn waħda mill-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia u l-oħra mill-Maġistrat Emeritu Philip Sciberras, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien kostrett fil-Parlament biex iwieġeb sensiela ta’ Mistoqsijiet Parlamentari fil-Parlament fis-Seduta ta’ nhar l-Erbgħa li għadda.
Barra minn hekk il-Pulizija, f’dan ix-xenarju jikber fejn kienu qed jinħarġu fatti ġodda u mill-aktar xokkanti, skattat investigazzjoni bl-iskop li jkunu stabbiliti l-fatti kollha li jiċċirkondaw dan il-każ li qiegħed ikompli jqanqal ħafna diskussjoni dwar dak kollu li seta’ seħħ – jew inkella ma seħħx – bir-riżultat li din it-tifla spiċċat biex tilfet ħajjitha.
Filwaqt li t-tifla Niġerjana nhar l-Erbgħa ngħatat l-aħħar tislima u ndifnet fiċ-Ċimiteru ta’ Marija Addolorata f’Raħal Ġdid, sar magħruf uffiċjalment ukoll l-isem tagħha… Victoria.
Dwar l-investigazzjonijiet tal-Pulizija sa issa ma nħarġet l-ebda stqarrija uffiċjali tal-Pulizija iżda sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon fissrulna li fil-fatt il-Pulizija stazzjonati fid-Distrett ta’ Bormla diġà bdiet tkellem lil xi persuni li direttament jew indirettament għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-każ sfortunat.
Il-Pulizija naturalment huma konxji tal-fatt li dan hu każ diffiċli fejn l-ambjent fil-familja Niġerjana diġà hu wieħed kumpless fis-sens li Social Workers kienu kemm-il darba tal-fehma li t-tliet ulied kellhom jittieħdu permezz ta’ Care Order biex ikun, fit-tul jew inqas, li jieħu ħsieb il-kustodja tagħhom. Il-ġenituri, minkejja kull intenzjoni tajba, ma jidhirx li kienu fi stat ta’ kapaċità li jrabbu tajjeb lil uliedhom.
Sadattant fil-jiem li għaddew komplew jinħarġu aktar stqarrijiet għall-istampa dwar dan il-każ sfortunat. Pauline Miceli, il-Kummissarju għat-Tfal, qalet li anke l-memorja tal-ħajja ta’ din it-tifla għandha tkun protetta mill-ispekulazzjoni u appellat biex ir-rapporti fil-midja dwar il-każ ikunu bażati biss fuq il-fatti.
Fl-istqarrija tagħha tenniet li hi qed tistenna bil-ħerqa r-riżultati tal-investigazzjonijiet ordnati, u hu biss wara, li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal ikun f’pożizzjoni jara għandhiex tittieħed azzjoni dwar xi nuqqasijiet li seta’ kien hemm fis-sistema.
//= $special ?>