Produtturi tal-ATMs (automated teller machine), il-makni minn fejn wieħed jista’ jiġbed il-flus, wissew li xi makni qed jispiċċaw fil-mira ta’ hackers.
Id-Diebold Nixdorf Inc u l-NCR Corp, tnejn mill-ikbar produtturi ta’ ATM fid-dinja, wissew li kriminali qed jimmanipulaw il-makni beix jisfurzawhom jagħtu l-flus bl-addoċċ. Xi ħaġa magħrufa bħala jackpotting. Il-kumpaniji ma svelawx kemm tilfu flus b’dan il-mod u lanqas ma kienu identifikati vittmi. Il-NCR, filwaqt li qalet li l-makni tagħha ma spiċċawx fil-mira, wissiet biex dawk kollha li għandhom ATM biex jieħdu miżuri biex jipproteġuhom minn din il-forma ta’ attakk.
Jidher li l-jackpotting qed jiżdied madwar id-dinja għalkemm mhux ċar kemm insterqu peress il-vittmi u l-Pulizija ma jisvelawx dan. Id-Diebold Nixdorf qalet li hi kienet infurmata mill-awtoritajiet Amerikani li hackers kellhom fil-mira wieħed mill-mudelli, l-Opteva, li l-produzzjoni tagħha ntemmet snin ilu u li l-attakki bdew is-sena li għaddiet fil-Messiku.
Barra minn hekk, il-kumpanija Russa għas-sigurtà fuq l-Internet, Group IB, qalet li kriminali rnexxielhom jisirqu min-numru ta’ ATMS madwar l-Ewropa fl-2016. Attakki simili kienu wkoll rappurtati s-sena li għaddiet fit-Tajlandja u t-Tajwan.
ATMs fil-mira ta’ hackers


