Il-qalba storika tar-Rabat Għawdex tinsab taħt theddida. Hekk iddikjarat l-għaqda ambjentali Wirt Għawdex, f’ittra li bagħtet lill-Awtorità tal-Ippjanar u lis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali wara d-diversi xogħolijiet li qed iseħħu fil-kapitali Għawdxija.
L-NGO innutat b’sodisfazzjon l-entużjażmu ta’ wħud biex jirrinovaw u jużaw mill-ġdid bini antik u mitluq li jinsab fil-qalba tar-Rabat. Madankollu, innutat li f’diversi każi, qed jingħataw permessi bl-addoċċ biex bini antik jitwaqqa’ u jitla’ minfloku bini ġdid. Hemm każijiet ukoll li l-permessi qed jiġu abbużati mill-iżviluppaturi.
Wirt Għawdex qalet li qatt ma kienet kontra l-iżvilupp fil-gżira, sakemm dan jinżamm b’mod ikkontrollat u b’tali mod li jirrispetta ż-żona fejn ikun qed isir. Iżda numru ta’ permessi li għadhom pendenti, jekk jingħataw, iwasslu għal aktar tiġrif tal-qalba tar-Rabat. Jekk dawn il-permessi jingħataw, il-parti storika tibda tispiċċa għalkollox.
Fl-istess waqt, l-NGO fakkret lis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali li d-dmir tagħha hu li tipproteġi fuq kollox il-wirt kulturali tal-pajjiż. Fakkret kif sa ftit tas-snin ilu, applikazzjonijiet għal żvilupp fuq propjetajiet li jinsabu fil-qalba tal-irħula kienu jiġu trattati b’riserva massima, iżda dan issa m’għadux il-każ.
Wirt Għawdex qed issostni li ladarba l-permess jingħata u x-xogħol jinbeda, m’għadux isir il-monitoraġġ meħtieġ. Dan hu meħtieġ, anke jekk l-applikazzjoni tindika xogħolijiet “minuri” fuq il-binja relatata, sostniet l-NGO.
Għaldaqstant, Wirt Għawdex sostniet li d-dmirijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar u tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali jibqgħu li jħarsu l-wirt kulturali li ħa eluf ta’ snin biex jinħoloq, iżda li m’għandux jinqered f’daqqa t’għajn minħabba żvilupp mhux ikkontrollat.
Li tagħlaq għajnejk għall-iżvilupp mhux kontrollat tagħmel lil dawn l-awtoritajiet kompliċi fit-tiġrif tal-wirt kulturali tant għażiż għalina, temmet tgħid l-ittra.
//= $special ?>