Futbol Sport

Imut Vicini, il-kowċ li mexxa lill-Italja waqt it-Tazza tad-Dinja tal-1990

Azeglio Vicini

Tħabbret il-mewt tal-ekskowċ nazzjonali tal-Italja Azeglio Vicini li miet fl-età ta’ 84 sena.

Vicini jibqa’ magħruf bħala l-kowċ li mexxa lill-Italja sat-tielet post tat-Tazza tad-Dinja tal-1990 li kienet saret proprju fl-Italja.

Hu kien se jagħlaq 85 sena f’Marzu li ġej. Meta kien plejer lagħab ma’ diversi klabbs fosthom Vicenza, Sampdoria u Brescia. Hu beda jmexxi lill-Italja meta ħa post Enzo Bearzot fl-1986.

Sentejn wara, taħt it-tmexxija tiegħu, l-Italja waslet sas-semifinali tal-Kampjonat Ewropew u fl-1990 l-Italja kienet sfat eliminata mis-semifinali tat-Tazza tad-Dinja meta kienet tilfet kontra l-Arġentina.

Hu kien waqaf imexxi lill-Italja fl-1991 meta dakinhar kien ħa postu Arrigo Sacchi.