Lokali

AĠĠORNATA: Malta titlef aktar postijiet f’indiċi dwar id-demokrazija

Malta hi żewġ postijiet ‘il bogħod milli titlef l-istatus ta’ demokrazija sħiħa. Dan jurieh studju ta’ The Economist għas-sena 2017. Dan ir-riżultat juri l-akbar tnaqqis fil-Punent tal-Ewropa u għalhekk Malta issa niżlet fis-17-il post.

Dar-riżultat wasal wara li l-qtil ta’ Daphne Cauana Galizia baqa’ mhux solvut kompletament. Ir-rapport jispjega kif il-ġurnalista kienet investigat is-saltna tad-dritt u n-nuqqas ta’ ħeġġa mill-awtoritajiet biex jinvestigaw każijiet sensittivi.

Malta issa qed tokkupa is-sbatax-il post minn dsatax.

Dan it-tnaqqis hu wieħed konsiderevoli  hekk kif għal dawn l-aħħar tliet snin Malta kienet qed tikseb 8.39 punti u issa dawn il-punti niżlu għal 8.15.

F’dik li hi l-libertà tal-istampa Malta kisbet inqas punti u issa tinsab fil-31 post.

Din l-edizzjoni ta’ dan l-istudju hi l-għaxar waħda hekk kif The Economist ilha tagħti ħarsa lejn id-demokraziji madwar id-Dinja sa mis-sena 2006. In-Norveġja tibqa’ l-aktar pajjiż b’demokrazija b’saħħita, isegwu l-Iżlanda u l-Iżvezja.

Flok l-aqwa fl-Ewropa… Malta fl-agħar post li qatt konna fl-indiċi tad-demokrazija tal-EIU

Fi Stqarrija b’reazzjoni għal dan ir-riżultat is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalist Clyde Puli qal li minkejja li l-Prim Ministru ħames snin ilu kien qed iwiegħed li Malta kienet se tkun l-aqwa fl-Ewropa, ir-realtà hi li Malta llum qiegħda fl-agħar post li qatt kienet kemm ilu jkun pubblikat l-indiċi tad-demokrazija mill-Economist Intelligence Unit (EIU).

Dan l-agħar post li qatt kellha Malta f’dan l-indiċi hu riżultat tal-attakk fuq il-libertà tal-istampa li qed iseħħ f’Malta mill-Gvern ta’ Joseph Muscat. Fil-fatt, Malta ġiet lura ħafna fil-kejl tal-EIU dwar il-libertà tal-istampa u qiegħda fl-istess livell ta’ pajjiżi bħall-Panama, il-Botswana, ir-Repubblika Domenikana u n-Namibja (paġna 39).

Dan l-indiċi li l-EIU għadu kemm ippubblika għall-2017 juri wkoll li fl-aħħar sena Malta sofriet l-akbar waqgħa minn fost il-pajjiżi Ewropej. Il-klassifika tad-demokrazija ppubblikata mill-EIU (paġna 5) turi wkoll li, b’din il-waqgħa qawwija, Malta ġiet qrib li tkun klassifikata bħala demokrazija difettuża.

Clyde Puli sostna li dak li wassal għal din l-akbar waqgħa u l-agħar post għal Malta hu l-attakk fuq il-libertà tal-istampa. Fil-fatt, Malta hi fost erba’ pajjiżi biss Ewropej li m’għandhomx libertà sħiħa tal-istampa. It-Turkija biss hi agħar minn Malta f’din il-klassifika tal-libertà tal-istampa.

Fir-rapport tiegħu, l-EIU jgħid li Malta sofriet l-akbar waqgħa għall-agħar post li qatt kellha f’dan l-indiċi wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. L-EIU jikkummenta wkoll li f’Malta issa hawn dubji kemm il-Gvern irid jinvestiga delitti sensittivi u dwar jekk il-liġi hix l-istess għal kulħadd.

Clyde Puli qal li l-Partit Nazzjonalista  ma jistax ma jurix it-tħassib tiegħu għal din l-agħar waqgħa ta’ pajjiż Ewropew u l-agħar post li qatt kienet fih Malta f’dan l-indiċi u jsejjaħ lill-Gvern biex ma jibqax jipprova jimmanifattura l-miti imma jibda jara r-realtà.