“Aħna l-għalliema tal-MCAST irridu biss dak li bi dritt hu tagħna. Fid-diskussjonijiet mal-Gvern permezz tal-MUT għamilna ċar ħafna x’inhuma l-punti li dwarhom irridu li jintlaħaq ftehim biex hekk aħna jkollna l-istess kundizzjonijiet bħalma għandhom għalliema kollegi tagħna, ċioè l-għalliema tal-Junior College.
“Hemm numru ta’ fatturi li bl-aktar mod ċar jindikaw diskriminazzjoni sfaċċata fil-konfront tagħna, u aħna l-għalliema tal-MCAST irridu li hekk kif il-Gvern tejjeb il-kundizzjonijiet ta’ għalliema oħrajn, hekk ukoll jasal mal-MUT biex il-kundizzjonijiet tagħna l-ħaddiema fl-MCAST ikunu mtejba, grazzi wkoll għall-impenn kbir u d-dedikazzjoni tagħna qalb l-istudenti.”
Dan qaluh lil In-Nazzjon xi għalliema li jservu fl-MCAST li lbieraħ tkellmu fit-tul magħna dwar dak kollu li qed jiġri fl-MCAST, imma f’dan l-istadju b’lenti ffukata aktar dwar il-ġlieda li qed tagħmel l-MUT biex huma jingħataw il-kundizzjonijiet tax-xogħol li bid-dritt jixirqulhom.
Mitluba biex b’mod konkret jagħtu ftit eżempji dwar id-diskrepanzi li jeżistu bejn il-kundizzjonijiet tagħhom meta mqabbla ma’ għalliema oħrajn, fosthom dawk tal-Junior College, l-għalliema tal-MCAST li tkellmu magħna fissrulna li f’terminu ta’ salarju biss hemm diskrepanza qawwija ħafna ta’ medja ta’ €8,349 bejn l-iskali eżistenti.
Hemm imbagħad is-suppliment akkademiku li ma hu relatat direttament mal-ebda xogħol speċifiku. Id-diskrepanza hawnhekk hi ta’ €4,617 oħra, għaliex filwaqt li l-għalliema tal-Junior College jieħdu dan is-suppliment akkademiku, huma tal-MCAST ma jieħdu xejn. Dan l-allowance daħħluh fis-sectoral agreement ukoll bħala class allowance. Dan wassal biex il-lecturers fl-MCAST huma possibbilment l-uniċi letturi f’Malta bla suppliment akkademiku.
Meta mbagħad wieħed jiffoka fuq dik li hi magħrufa bħala ‘work resource’ jirriżulta li filwaqt li l-għalliema tal-Junior College jieħdu €2,067, huma bħala l-għalliema tal-MCAST jieħdu biss €450… jiġifieri diskrepanza oħra ta’ €1,617 fis-sena.
Aspett ieħor hu dak li hu relatat mal-proċeduri tax-xogħol fejn filwaqt li għal ċerti ‘għodda’ użati fit-tagħlim ikollu jħallas minn butu l-għalliem u mbagħad jieħu flusu wara, l-għalliema tal-Junior College għandhom is-sistema tal-Visa Card ittoppjata li għall-istess ‘għodda’ jħallsu direttament minnha biex hekk l-għalliema ma jużawx flushom direttament kif qed ikollhom jagħmlu l-għalliema tal-MCAST.
Hawnhekk tkellimna dwar is-sigħat ta’ tagħlim li jagħmlu l-għalliema tal-MCAST – dsatax-il siegħa. Dan meta filwaqt li l-għalliema tal-Junior College jagħmlu biss average ta’ (skont il-grad li jkollok) erbatax-il siegħa ta’ tagħlim fil-ġimgħa.
Barra minn hekk, l-għalliema tal-MCAST huma diskriminati wkoll fil-livell tas-sena skolastika li jgħallmu meta s-sena tagħhom tibda minn Settembru fejn ma jkunx hemm lezzjonijiet imma l-għalliema jidħlu biex jippreparaw għas-sena skolastika li tkun se tibda u tibqa’ sejra sal-ewwel ġimgħa ta’ Lulju.
Dan ifisser li huma jagħmlu xahrejn tagħlim aktar mill-għalliema tal-Junior College minħabba li dawn jibdew f’Ottubru u meta niġu għat-tieni sena skolastika tal-istudenti, l-għalliema prattikament jieqfu jgħallmu f’April minħabba l-eżamijiet li jkollhom l-istudenti minħabba s-sistema tal-MATSEC. L-MCAST juża sistema oħra.
Hemm imbagħad sensiela ta’ diskrepanzi kbar oħrajn, fosthom kif l-għalliema tal-MCAST hu mistenni minnhom li jkunu ppreparati biex jgħallmu firxa wiesgħa ta’ units, filwaqt li dawk li jgħallmu fil-Junior College jgħallmu biss is-suġġett speċifiku tagħhom.
L-għalliema tal-MCAST iridu saħansitra jippreparaw it-testijiet u jikkoreġuhom huma stess, filwaqt li dawk tal-Junior College ġeneralment jippreparaw għall-eżemijiet u t-testijiet interni magħmula minnhom, għalkemm il-livelli jitlestew mill-MATSEC.
L-għalliema tal-MCAST li tkellmu ma’ In-Nazzjon żiedu jgħidulna li huma ma jistgħux jifhmu għaliex il-Gvern qiegħed jittratta l-istaff akkademiku tal-MCAST bħala ħaddiema tat-tieni klassi meta jirrifjuta li joffrilhom il-kundizzjonijiet li jixirqulhom. “Minkejja li jieħu kull okkażjoni biex jiftaħar bl-andament ekonomiku ta’ pajjiżna, il-Gvern qed ikompli jixxaħħaħ magħna l-edukaturi.”
Huma qalulna li jifhmu tajjeb ħafna kif anki l-istudenti qed iħossu l-effett ta’ dan id-diżgwid b’mod dirett, “u filwaqt li huma jridu jippreparaw ruħhom għall-eżamijiet, aħna l-għalliema tagħhom qed inkunu kostretti mill-MCAST u l-Gvern biex nirrikorru għal azzjonijiet industrijali.”
Huma qalulna li minħabba l-ebusija ta’ rasu, l-MCAST qed iġib qasma fis-settur tal-edukazzjoni li minħabba fih qed ibatu kemm l-għalliema kif ukoll l-istudenti. Wara li fi żmien il-Milied, il-Gvern ħabbar li kien se joffri l-aħjar kundizzjonijiet li qatt kellhom l-għalliema, meta għaddew il-festi dawn irrealizzaw li dan kien biss kliem fieragħ.
Huma fissrulna li s-sitwazzjoni fl-edukazzjoni ilha s-snin għaddejja minn kwistjoni għal oħra mingħajr sens ta’ direzzjoni ċara jew responsabbiltà politika.
Qalulna li l-Gvern ħaseb li se jsikket lil kulħadd billi joffri lill-għalliema pakkett finanzjarju li kien jidher ikbar milli fil-fatt huwa. Il-Gvern fittex ukoll li jpoġġi l-għalliema kontra l-Union tagħhom stess meta rabat lill-MUT milli tiżvela d-dettalji tal-ftehim li sar f’isimhom.
L-għalliema temmew li minflok jinvesti bis-serjetà fl-edukaturi, il-Gvern qed jipprova jidħaq bihom. Donnu l-Gvern Laburista ma jifhimx li l-għalliema jiffurmaw is-soċjetà ta’ għada u li għalhekk id-disprezz lejn xogħolhom ma jwassal għal xejn ħlief nuqqas ta’ preparazzjoni u opportunitajiet għal uliedna.
//= $special ?>