Il-gazzetta Ingliża The Guardian, ippubblikat rapport esklussiv li fih kixfet twissija li ħarġet l-Interpol, l-aġenzija internazjonali tal-Pulizija. Twissija li fiha tesprimi suspetti qawwija li 50 Tuneżin, membri tal-ISIS, żbarkaw bil-baħar fi Sqallija, l-Italja. Dan bl-iskop li minn hemm jinfirxu għal bliet oħrajn Ewropej.
Agħafas hawn għar-rapport ta’ The Guardian
Il-lista bid-dettalji kienet ingħatat lill-Ministeru tal-Intern Taljan, li mbagħad qassamha lill-aġenziji ta’ kontra t-terroriżmu madwar l-Ewropa.
Dawk fiha huma kollha Tuneżini u hemm erbgħa li diġà kienu fuq il-lista tal-Interpol ta’ ġellieda tal-ISIS u kienu magħrufa mas-servizzi sigrieti Ewropej.
Il-Guardian ikkwotat sorsi li qalu li t-Tuneżini fuq il-lista hu mifhum li żbarkaw fl-Italja bejn Lulju u Ottubru tal-2017 fuq laneċ li mbagħad huma abbandunaw.
F’Lulju, kien inkixef li l-Interpol kellha lista ta’ 173 membru tal-ISIS li hu ssuspettat li ngħataw taħriġ speċjali biex ikunu jistgħu jwettqu attakki terroristiċi fl-Ewropa.


